Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201997

PR201997

15/10/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA U L-GOVERNANZA: Chris Soler magħżul bħala l-Avukat tal-Istat il-ġdid ta’ Malta

​​



L-Avukat Dr Chris Soler intgħażel bħala t-tieni Avukat tal-Istat tar-Repubblika ta’ Malta u se jkun qed jassumi dan l-irwol b’mod immedjat. Dan wara li l-Avukat tal-Istat preċedenti, Dr Victoria Buttigieg, irriżenjat biex ġiet maħtura fl-irwol ta’ Avukat Ġenerali. 

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis kien ħatar Kummissjoni ta’ Ħatra indipendenti, li tmexxiet mill-Prim Imħallef Emeritus Joseph Azzopardi, bl-Imħallfin Emeriti Lawrence Quintano u Antonio Mizzi bħala membri. Dan kien proċess indipendenti, trasparenti u b’rispett sħiħ lejn il-buon-governanza.

Dr Soler huwa avukat u kiseb il-warrant tiegħu fis-sena 2000. Tul dawn l-aħħar għoxrin sena hu prattika l-liġi kriminali kif ukoll serva bħala lettur tal-liġi kriminali fl-Università ta’ Malta. Fl-aħħar snin hu serva bħala direttur tas-servizzi legali fi ħdan l-Università ta’ Malta kif ukoll bħala chairperson fuq il-Bord tal-Appell għar-Refuġjati.

Dr Soler se jkun qed jinħatar bħala Avukat tal-Istat, uffiċċju naxxenti li beda jopera f’Diċembru tal-2019 meta l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali nqasam fi tnejn. Dan sar sabiex l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali gradwalment jieħu f’idu l-prosekuzzjonijiet kollha f’pajjiżna waqt li l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat iservi bħala l-konsulent ewlieni tal-gvern.