Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr202014

16/10/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Imħabbra numru ta’ mizuri sabiex titrażżan l-imxija ta’ Covid-19

  • Minn għada l-ilbies tal-maskra obbligatorju fuq barra
  • Aktar infurzar mill-erba' awtoritajiet konċernati
  • Min-nhar it-Tnejn stabbilimenti ta' divertiment bħal bars u każini jridu jagħlqu sal-11pm

 

Il-Gvern qed jieħdu pożizzjoni ta' responsabilità lejn il-poplu kollu, liema responsabilità qed nitolbu li tintrefa' minn kulħadd biex nipproteġġu lil dawk vulnerabbli u dan b'imħabba lejn pajjiżna – Il-Prim Ministru Robert Abela

 

F'konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta' Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mad-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri u s-Supretendent tas-Saħħa Charmaine Gauci, ħabbru numru ta' mizuri sabiex tkun ikkontrollata l-imxija ta' Covid-19.

 

Fil-fatt kien imħabbar kif minn għada l-ilbies tal-maskri anke fuq barra, għajr għal ftit sitwazzjonijiet, se jkun obbligatorju, se jkun qed isir aktar infurzar mill-erba' awtoritajiet konċernati filwaqt li stabbilimenti ta' divertiment bħal bars u każini jridu jagħlqu sal-11pm.

 

Il-Prim Ministru saħaq li l-Gvern qed jieħdu pożizzjoni ta' responsabilità lejn il-poplu kollu, liema responsabilità qed nitolbu li tintrefa' minn kulħadd biex nipproteġġu lil dawk vulnerabbli u dan b'imħabba lejn pajjiżna. Min-naħa l-oħra, stqarr Dr Abela, hemm min li f'dan il-pajjiż qed jieħu pjaċir bid-deni u jrid jagħmel minn kollox sabiex titkisser l-ekonomija u n-negozji.

 

Il-Prim Ministru qal li ninsabu f'mument kritiku biex nikkontrollaw il-Covid-19 iżda fl-istess waqt iridu nħarsu l-għajxien tan-nies u l-impjiegi tagħhom. “Nhar it-Tnejn se nħabbru numru ta' mizuri sabiex nindirizzaw l-ekononija. Is-saħħa tiġi l-ewwel iżda l-ħajja trid tkompli. Il-ħaddiema jridu jaħdmu, uliedna jridu jmorru l-iskola", qal il-Prim Ministru Robert Abela.

 

Biex nagħmlu dan irridu nkunu responsabbli u nieħdu ħsieb xulxin. Ħadd għadu ma sab xi formula maġika biex iwaqqaf il-pandemija mingħajr ma jkisser ekonomija u jintilfu l-impjjiegi. Il-każijiet żdiedu, iżda s-sitwazzjoni qegħdha taħt kontroll, irridu nipproteġġu lil vulnerabbli, imma rridu nieħdu ħsieb il-ħajja ta' kuljum, tenna l-Prim Ministru.

 

Saru aktar minn 150,000 spezzjoni matul dan is-sajf mill-awtoritajiet konċernati – Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne beda billi spjega l-miżuri li kienu għadhom effettivi sa qabel il-konferenza, dik li fl-istabbilimenti ta' divertiment fejn id-drinks servuti jridu jkunu meħudin bilqegħda u magħhom jisserva l-ikel.

 

Il-Deputat Prim Ministru Fearne tenna li wara ċertu żmien daħal dak li qed jissejjaħ pandemic fatigue u dan wassal sabiex forsi jkun hawn nuqqas ta' dixxiplina u għalhekk huwa meħtieġ li jittieħdu dawn il-mizuri.

 

Hu sostna li apparti l-infurzar hemm bżonn li jkun hemm aktar edukazzjoni filwaqt li spjega li diġà għandna infurzar effiċjenti li qed isir mil-LESA, mill-MTA, il-Pulizija u d-Direttorat Ambjenatli fejn matul dan is-sajf saru 150,000 spezzjoni. Id-Deputat Prim Ministru qal li kien hemm qbil mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fejn hemm qbil li jekk insibu stabbilimenti li baqgħu jiksru b'mod ripettut se tkun anke qed titneħħa l-liċenzja.

 

Hu spejga li l-istabbilimenti bħal bars u każini jridu jibdew jagħqlu fil-11pm b'effett min-nhar it-Tnejn. F'dak li għandu x'jaqsam ma' ristoranti, ma kienx hemm problemi f'dan ir-rigward u allura se jkunu jistgħu jagħmlu aktar mill-11pm. L-użu tal-maskri, s'issa konna għamilna bil-liġi li dawn jintużaw f'postijiet bħal trasport pubbliku, ħwienet, postiijet pubbliċi interni—din kienet u hekk se tibqa' bil-liġi. Min ma jimxix ma' dan se tkun infurzata multa ta' €50 li titla' għal €100 jekk ma titħallasx.

 

Minn għada, il-maskra trid tintlibes kullimkien ħlief xi eċċezzjonijiet żgħar, fit-triq, pjazez, u postijiet tax-xogħol—però se nagħtu ġimgħa grace period sakemm tindara, se jibdew jingħataw il-multi minn ġimgħa oħra, qal il-Ministru tas-Saħħa.

 

Id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll li mit-28 ta' Ottubru se jidħol ir-rapid testing. Dan se jkun qed jiġu użat inizjalment fl-ajruport, mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni fl-iskejjel, f'postijiet mediċi bħall-emerġenza u l-kura primarjam u anke fid-djar tal-anzjani.

 

Fl-aħħarnett id-Deputat Prim Ministru Fearne ħabbar li fl-ewwel sitt ijiem kien hemm 75,000 persuna li ħadu t-tilqima tal-influwenza u sostna li pajjiżna ordna aktar minn dan it-tilqim sabiex se jkollna bħala pajjiż għad-dispożizzjoni 250,000 tilqima tal-influwenza.

 

Min-naħa tiegħu l-Ministru Byron Camilleri spjega kif se jkunu qed jaħdmu l-awtoritajiet konċernati filwaqt li l-Professur Gauci spjegat li kollox kien ibbażat fuq ix-xjenza filwaqt li spjegat iċ-ċirkustanzi fejn dak li jkun ikun eżenti milli jilbes il-maskra, fosthom fil-karozzi privati ta' dak li jkun u anke waqt li tkun qed isir attività fiżika.

 

​​​