Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr202020

PR202020

18/10/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru Bartolo jindirizza konferenza importanti fil-Libja

​​

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo ipparteċipa f'konferenza importanti fil-Libja li qed tlaqqa' l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, kapijiet ta' istituzzjonijiet, membri parlamentari, akkademiċi, professjonisti, ġurnalisti, għaqdiet li jaħdmu favur id-drittijiet tal-bniedem u l-maġġoranza tal-kbarat tat-tribujiet minn kull naħa tal-Libja.

 

Fuq stedina tal-Kummissjoni Preparatorja tat-Tieni Konferenza ta' Sirte u l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Libja, il-Ministru Bartolo kien fost il-kelliema distinti li ntalbu jintervjenu virtwalment f'din il-konferenza li qed toffri tama ġdida għall-istabbiltà u l-paċi fil-Libja.

 

Fil-fatt, din hija t-tieni konferenza tat-tip tagħha fil-Libja, filwaqt li l-ewwel waħda saret kważi mitt sena ilu fl-1922 meta l-poplu Libjan kien għaddej minn sitwazzjoni simili ta' ġlied u gwerer. Dakinhar, bħal-lum, il-Libjani poġġew flimkien biex idewwu l-feriti u jfasslu l-futur tagħhom stess bħala stat sovran u indipendenti.

 

Fl-1922 il-konferenza ssejħet Sirte 1, u għalhekk dik tal-lum issejħet Sirte 2 bħala sinjal ta' ottimiżmu li dan proċess replika li jista' tassew jgħaqqad lill-pajjiż. F'dan il-kuntest, din il-konferenza qed titqies bħala żvilupp pożittiv fix-xena politika nazzjonali tal-Libja.

 

Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Evarist Bartolo għamel analoġija fejn qabbel il-mappa tal-Libja ma' qalb ta' bniedem, u spjega li biex il-qalb tħabbat u l-bniedem jgħix, il-partijiet diversi tagħha jridu jaħdmu flimkien għal għan wieħed.

 

Jekk il-partijiet ma jaħdmux flimkien, u agħar minn hekk, jekk il-partijiet jiġġieldu kontra xulxin, il-qalb tieqaf u l-persuna tmut. L-istess jgħodd għal-Libja – il-partijiet u n-nies differenti kollha tal-Libja għandhom jingħaqdu u jaħdmu flimkien biex pajjiżhom jgħix.

 

Waqt li esprima solidarjetà mal-poplu Libjan, li ilu snin ibati f'kundizzjonijiet ħżiena u b'nuqqasijiet ta' servizzi bażiċi bħad-dawl u l-ilma, il-Ministru Bartolo saħaq li s-soluzzjoni biex jingħeleb dan il-jasar jibqa' d-djalogu politiku kostruttiv għaliex waqt li l-kompromess iweġġa', il-ġlied u l-gwerer iweġġgħu aktar.

 

Il-ministru żied jgħid li dawk li veru jħobbu l-Libja jridu Libja magħquda f'idejn il-Libjani li jgħixu fil-paċi u fl-istabbiltà. Fosthom hemm Malta, li bħala pajjiż ġar u ħabib, minkejja ċ-ċokon tiegħu qed jaqdi r-rwol ġenwin tiegħu biex il-Libja terġa' tqum fuq saqajha.

 

Huwa kkonkluda b'appell biex jitwarrbu d-differenzi u biex il-partijiet kollha jaħdmu flimkien għall-ġid tal-Libjani kollha. “Libja magħquda tista' tkun wieħed mill-aktar pajjiżi sinjuri fil-Mediterran. Dan huwa pajjiżkom, ħuduh lura, u aħdmu flimkien", temm il-messaġġ tal-Ministru Bartolo.​