Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr202021

PR202021

18/10/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Stqarrija dwar l-aħħar żviluppi tal-pandemija COVID-19 f’Malta

Kif kien mistenni, u kif sfortunatament qiegħed jiġri madwar id-dinja, speċjalment fl-Ewropa, il-pandemija tal-COVID-19 reġgħet refgħet rasha, u qiegħda ddur fostna, bin-numri ta' nies milquta dejjem jiżdiedu.

 

Dan minkejja l-miżuri kollha rrakomandati u deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet tas-saħħa.

 

Is-sitwazzjoni bħalissa ġewwa pajjiżna hija inkwetanti.  Din qiegħda toħloq tħassib, inkwiet, u ansjetà fis-setturi kollha tal-poplu Malti u Għawdxi.

 

Il-President George Vella segwa l-andament ta' din l-imxija mill-bidu nett tagħha, u qed iżomm ruħu aġġornat fuq l-impatt li din il-pandemija qiegħed ikollha fuq is-saħħa fiżika, dik mentali, u fuq l-aspetti soċjali u ekonomiċi tal-ħajja taċ-ċittadin.

 

Il-President iħoss li sitwazzjoni bħal din għandha twassalna biex ilkoll niġbdu ħabel wieħed, u noffru kooperazzjoni sħiħa fuq il-livelli kollha.

 

Tajjeb li nikkritikaw in-nuqqasijiet b'mod kostruttiv, u tajjeb ukoll li nirrakomandaw prattiċi tajba li taw riżultati inkoraġġanti f'pajjiżi oħra. Madankollu il-President iħoss li xejn minn dan m'għandu jfixkel l-isforzi kollettivi tagħna fil-ġlieda kontinwa kontra dan il-virus.

 

Huwa konxju tas-sagrifiċċji li qegħdin isiru kemm mill-poplu inġenerali biex josserva u jwettaq id-direttivi mogħtija mill-awtoritajiet tas-saħħa, minn dawk kollha mgħobbija bir-responsabbiltà li jħarsu s-saħħa pubblika, kif ukoll dawk li mistennija jduru bil-pazjenti milquta minn din il-marda.

 

Il-President Vella japprezza ferm ix-xogħol kontinwu tal-carers fid-djar tal-anzjani tagħna, u ta' dawk li x-xogħol tagħhom iġibhom wiċċ imb'wiċċ mar-riskju li jieħdu l-virus, bħall-għalliema u l-edukaturi.

 

Settur li jinkwieta ħafna lill-President huwa dak tan-nies vulnerabbli, fosthom l-anzjani, li mill-bidu tal-pandemija raw ħajjithom tinqaleb ta' taħt fuq. 

 

Il-President Vella jinnota bi pjaċir it-tibdil li ġie permess dan l-aħħar mill-awtoritajiet tas-saħħa, f'dak li għandu x'jaqsam ma' kif il-qraba u l-ħbieb jagħtu l-aħħar tislima lil dawk l-għeżież tagħhom li jkunu tilfu ħajjithom minħabba l-COVID-19. 

 

F' dan ir-rigward huwa jsellem lil dawk kollha li mietu kawża ta' din il-marda. Il-President jesprimi wkoll solidarjetà mal-qraba tagħhom għall-mod li bih kellhom jitbiegħdu mill-għeżież tagħhom meta l-aktar li xtaqu jkunu qrib tagħhom biex ikunu ta' wens u kuraġġ.

 

Filwaqt li jagħmel kuraġġ lill-poplu kollu biex noħorgu flimkien minn din l-imxija bl-anqas ħsara possibbli, il-President jappella biex inħarsu s-saħħa mentali tagħna, u nobdu d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa.

 

Fuq kollox hemm bżonn li nżommu s-sens ta' tama ħaj u nħarsu 'il quddiem lejn ġejjieni li jeħodna lura għan-normalità.

 

Għaldaqstant, il-President Vella jixtieq li l-poplu jġedded id-determinazzjoni tiegħu biex jiġġieled din it-theddida billi jżomm f'moħħu li mhux tant fil-bogħod, hemm ċans kbir li jaslilna vaċċin li jkun effettiv, u li jgħinna biex ngħelbu din il-pandemija minn ġo nofsna.

 

Il-President George Vella jawgura li l-awtoritajiet f'pajjiżna jirnexxilhom isibu dak il-bilanċ delikat li filwaqt li jħares saħħet il-poplu, fl-istess ħin jassigura wkoll it-tiġdid ekonomiku ta' pajjiżna.​