Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr202089

PR202089

26/10/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA U L-GOVERNANZA Investiment qawwi fis-settur tal-ġustizzja u l-ugwaljanza

F'konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġew elenkati l-miżuri għall-Baġit 2021, il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza, u l-Governanza Edward Zammit Lewis saħaq dwar l-investiment qawwi li qed isir fis-settur tal-ġustizzja f'pajjiżna.

 

Fost dawn il-Ministru Zammit Lewis semma l-estensjoni li hemm ippjanata fil-bini tal-Qrati ta' Malta, fejn b'investiment ta' madwar €2.2 miljun se jkunu qed isiru erba' awli ġodda u ħamsa u għoxrin uffiċċju ġdid. Il-Ministru tkellem ukoll dwar l-investiment li qed isir fl-Uffiċċju tal-Irkuprar tal-Assi, bil-għan li tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata u l-ħasil ta' flus. Dan l-Uffiċċju qed jiġi msaħħaħ kemm fejn jidħol riżors uman, fejn l-ammont ta' staff se jiżdied minn 12 għal 45, u anke bħala faċilitajiet, fejn inxtrat warehouse b'investiment ta' €2.4 miljun biex l-assi irkuprati jinżammu b'mod professjonali u sigur.

 

Il-Ministru Zammit Lewis tkellem ukoll dwar is-separazzjoni tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, fejn wara li dan inqasam fi tnejn, issa qed jopera minn binja ikbar u restawrata. L-istess għall-Uffiċċju tal-Avkat tal-Istat, liema binja se tiġi inawgurata fil-jiem li ġejjin.

 

Il-Ministru Zammit Lewis irrimarka li dan kollu se jkun qed iwassal għal ġustizzja iktar effiċjenti f'pajjiżna, bil-għan li ċ-ċittadin jinqeda aħjar, b'aċċess dejjem ikbar għall-ġustizzja.

 

Il-Ministru Edward Zammit Lewis temm jgħid li dan huwa Gvern li mhux biss jemmen fis-saltna tad-dritt u l-governanza t-tajba, iżda anke jinvesti bil-qawwa fihom.

 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar sostniet kif dan huwa baġit illi jagħti importanza lill-wellbeing soċjali daqs dak ekonomiku. L-ugwaljanza toħroġ bħala prijorità f'dan il baġit hekk kif bħala Gvern qegħdin nindirizzawha b'mod strutturat u f'kull qasam tal-ħajja.

 

Is-Segretarju Parlamentari Cutajar qalet kif  permezz tal-ewwel Strateġija u Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali dwar l-Integrazzjoni tal-Ġeneru u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, il-Gvern ser ikun qed jindirizza l-inugwaljanzi sistematiċi li għadhom sal-lum-il ġurnata jżommu lin-nisa lura.

 

Żiedet tisħaq li l-Gvern se jkompli jsaħħaħ dak li bena fil-qasam LGBTIQ+. Fil-fatt, fiż-żmien li ġej se jkun qed jinbeda x-xogħol fuq l-ewwel ċentru għall-komunità LGBTIQ+, li minnu b'mod ċentralizzat se jingħataw is-servizzi kollha mmirati lejn il-komunità LGBTIQ+ kif ukoll oħrajn ġodda. Is-Segretarju Parlamentari fakkret kif pajjiżna se jkun qed jospita l-Europride fl-2023, l-ikbar avveniment LGBTIQ+ fuq skala internazzjonali. Il-EuroPride Valletta 2023 għandha l-potenzjal li tattira eluf ta' turisti lejn Malta, u se sservi ta' okkażjoni biex pajjiżna jippromwovi l-valuri ta' ugwaljanza li jħaddan.

 

Is-Segretarju Parlamentari sostniet ukoll li l-Gvern huwa kommess li jkompli bil-ġlieda kontra t-traffikar uman.  Dan hekk kif fid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem se titwaqqaf taqsima speċjali li tirrelata ma' dan il-qasam, bil-għan li tħejji u timplimenta żewġ strateġiji nazzjonali u pjanijiet ta' azzjoni, waħda dwar it-traffikar uman, u l-oħra dwar is-sess u l-prostituzzjoni. L-istrategiji se jkunu qed jiffukaw fuq il-ħarsien u assistenza għall-vittmi, flimkien ma' infurzar iktar serju kontra l-perpetraturi ta' dawn ir-reati. Rigward l-industrija tas-sess u prostituzzjoni ftit tal-ġimgħat ilu ġie mniedi l-ewwel 'Support Service' għall-persuni li jinsabu fid-dinja tal-prostituzzjoni.

 

Dan kollhu juri biċ-ċar Gvern li se jkompli jaħdem qatiegħ għal Malta iktar ugwali.

 

​​​