Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, akkumpanjata mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u l-Ambaxxatrici Franċiża għal Malta Brigitte Curmi, żaru l-bastiment CMA CGM Jacques Saadé li għamel l-ewwel żjara tiegħu fil-Port Ħieles, f’dik li hi l-ewwel waqfa għal dan il-bastiment f’port fl-Ewropa.
Il-bastiment CMA CGM Jacques Saadé huwa wieħed revoluzzjonarju għall-fatt li jaħdem bit-teknoloġija tal-Liquified Natural Gas minflok fuels tradizzjonali. Fil-fatt l-użu tal-LNG f’dan il-bastiment iwassal għal tnaqqis ta’ 99% fl-emissjonijiet tad-dijossidju tal-kubrit, tnaqqis ta’ 85% fl-emissjonijiet tad-dijossidju tan-nitrogen, u tnaqqis fl-emissjonijiet tad-dijossidju tal-karbonju b’20%. Barra minn hekk, il-vapur huwa attrezzat ukoll li jaħdem f’portijiet bis-sistema tal-onshore power supply, fejn ma jkollux għalfejn iħalli l-magni mixgħulin waqt li jkun sorġut.
Il-vapur daħal fis-servizz fl-aħħar ta’ Settembru meta telaq mill-Asja, u diġà kiser ir-rekord tal-akbar ammont ta’ kontejners li qatt inġarrew f’daqqa, b’total ta’ iżjed minn 20,700 kontejner. Huwa wkoll l-ewwel vapur minn total ta’ disgħa li l-kumpanija se jkollha fil-futur ilkoll jaħdmu bl-LNG.
Waqt iż-żjara tagħha, il-Ministru Farrugia Portelli kellha ċ-ċans titkellem kemm mal-Kaptan tal-vapur Emanuel Delran u l-Vici-President Eżekuttiv ta’ CMA CGM Nicolas Sartini.
Hija stqarret li l-okkażjoni taż-żjara ta’ dan il-bastiment revoluzzjonarju ta’ wieħed mill-ikbar kumpaniji fil-qasam tat-tbaħħir fid-dinja juri kif din l-industrija tista’ taħdem fil-futur. Filwaqt li tkompli ssostni l-ekonomija, tagħmel dan b’impatt inqas fuq l-ambjent u fuq il-kwalità tal-ħajja. Dan hekk kif il-kumpanija CMA CGM għandha l-mira li sal-2050 tkun laħqet in-newtralitá fl-emissjonijiet.
“Din hi mira importanti li aħna naqsmu mal-kumpanija bħala pajjiż u bħala gvern: is-sostennibilità. Filwaqt li naraw li nkomplu nkattru l-attività ekonomika li fl-aħħar mill-aħħar igawdi minnha kulħadd, xorta waħda nħarsu l-ambjent. Fost diversi miżuri, il-Baġit 2021 jagħmel impenn li mis-sena d-dieħla naqbdu t-triq biex nimplimentaw il-proġett tant bżonnjuż tal-onshore power supply għall-Port Ħieles. Dan sabiex inkunu nistgħu mhux biss nilqgħu vapuri ta’ dan it-tip li jniġġsu inqas, iżda li dawn sakemm idumu f’pajjiżna ma jniġġsu xejn u ma jagħmlux storbju għax ikunu mqabbdin mas-sistema tal-elettriku tal-pajjiż minflok iħallu l-magni mixgħula”, stqarret Julia Farrugia Portelli.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg qal li, “vapuri bħal CMA CGM Jacques Saadé jikkonfermaw l-impenn tal-industrija marittima li aktar ma jmur aktar qed timxi lejn is-sostennibilità. Il-Gvern Malti huwa kommess li jkompli jinvesti f’aktar żvilupp ħadrani f’kull settur filwaqt li jinċentiva lill-industriji Maltin biex huma wkoll jieħdu passi aktar sostenibbli. Sadanittant, se nibqgħu nkunu pajjiż minn ta’ quddiem li f’fora internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali biex nimbuttaw favur il-protezzjoni tal-ambjent marittimu kif ukoll aktar sigurtà f’dan is-settur.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Freeport Corporation Ltd is-Sur David Magro stqarr li bħalissa qed isir xogħol biex iżjed vapuri b’teknoloġija tal-LNG jibdew jgħaddu lejn pajjiżna u jsorġu fil-Port Ħieles, li matul din is-sena sa Settembru laqa’ 1,135 vapur u mal-1.6 miljun kontejner. Iktar minn 97,000 kontejner kienu destinati lejn is-suq domestiku Malti.
“Malta Freeport Corporation tħares ‘il quddiem li dan l-investiment favur l-ambjent li qed tagħmel il-kumpanija CMA CGM jikkumplimenta l-proġett tal-OPS li l-Gvern Malti permezz tal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur ħabbar fl-aħħar baġit u li ser ikun qiegħed isir fil-Port Ħieles.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Freeport Terminals Ltd is-Sur Alex Montebello qal li “hu ta unur għalina li l-Malta Freeport huwa parti minn dan l-ewwel vjaġġ tas-CMA CGM Jacques Saadé. Din iż-żjara speċjali ma kinitx tkun possibli li ma kienx għall-viżjoni fit-tul li l-kumpanija kellha sabiex tinvesti f’makkinarju mill-aktar modern kif ukoll f’tisħiħ fl-infrastruttura tal-Port. Huwa grazzi għal dan l-investiment f’Mega Max Quay Cranes u fi ‘dredging’ tal-mollijiet għal 17-il metru li llum nistgħu nilqgħu vapuri ġganteski bħal dan.”