Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr202132

PR202132

30/10/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR U L-INDAFA PUBBLIKA


€95 miljun għat-turiżmu, l-ogħla somma li qatt kienet allokata lis-settur
Tul il-pandemija ngħata taħriġ online lil 8,000 persuna fis-settur turistiku

Matul ix-xhur li l-pajjiż jinsab milqut mill-pandemija tal-COVID-19 sar investiment ta’ €5.6 miljuni f’ħidma konġunta bejn il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu biex madwar 8,000 persuna involuti fis-settur turistiku jingħataw taħriġ bla ħlas online biex ikunu jistgħu jkattru l-ħiliet tagħhom. Tul dan il-perjodu ġew offruti aktar minn 1,000 kors differenti provduti minn 33 entità msieħba. Madwar 6,000 parteċipant minn dawk li segwew dawn il-korsijiet qosra għadhom kemm temmewhom b’suċċess filwaqt li madwar 2,000 oħra għadhom għaddejjin b’kors akkreditat. L-akbar ammont ta’ studenti, aktar minn 2,000, kienu rreġistrati mal-Matis Forbes-MHRA.

Ħabbret dan il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli waqt li kienet qed tindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar il-Baġit 2021 bit-tema Maltin b’Saħħitna ‘l Quddiem. Il-Baġit 2021 jalloka għas-settur tat-turiżmu s-somma ta’ €95 miljun li hija l-ogħla somma li qatt ġiet allokata għal dan is-settur u li tirrifletti żieda ta’ €10 miljuni fuq dak li kien allokat għas-sena 2020.

Il-konferenza tal-aħbarijiet ġiet indirizzata wkoll mis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista.

“L-isfidi li ħolqitilna l-pandemija fl-industrija tat-turiżmu dawwarnihom u se nkomplu indawruhom f’opportunitajiet bil-għan li ntejbu s-servizzi, il-faċilitajiet u l-attrazzjonijiet kollha li joffri s-settur biex malli nerġgħu lura għan-normalità nkunu tlaqna diġà. L-ogħti ta’ dawn il-korsijiet kienet waħda mill-opportunitajiet li ħadna. B’sodisfazzjon ngħid li dawn il-korsijiet fetħu l-bibien għal studenti u ħaddiema fis-settur u li b’hekk setgħu jkabbru l-għarfien u l-ħiliet tagħhom. Hija l-viżjoni tal-Gvern li nħejju lil Malta għal għada u ninvestu bla preċedent fit-turiżmu għax nafu li meta se tgħaddi l-pandemija t-turiżmu se jerġa’ jkun il-mutur ekonomiku tal-pajjiż. Il-viżjoni tal-Gvern hija kumplimentata mill-fatt li għandna ħaddiema Maltin u Għawdxin bieżlin li huma wkoll determinati li sfida bħal din maħluqa mill-pandemija jdawruha f’opportunità,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Hija żiedet tgħid li sfida oħra li ddawret f’opportunità kienet dik ta’ investimenti fil-prodott turistiku nnifsu biex jittejbu l-faċilitajiet u b’hekk ikun offrut servizz aħjar. “Is-sena li ġejja se nagħtu bidu għal proċess li bih nibdew ħidma fuq riġenerazzjoni ta’ żoni turistiċi. Il-Fondazzjoni għal Żoni Turistiċi se tieħu dimensjoni akbar fit-tip ta’ ħidma li tagħmel. Mhux se tkun iffukata biss fuq proġetti ta’ manutenzjoni, imma wkoll fuq proġetti li jwasslu għal bidla totali f’diversi żoni strateġiċi. Żoni li jvarjaw min-naħa ta’ fuq ta’ Malta għal postijiet turistiċi oħrajn bħal Wied il-Għajn, il-Birgu, Wied iż-Żurrieq u oħrajn. Dan ikompli jorbot mal-ħidma bla preċedent li għamilna fil-pandemija,” sostniet il-Ministru Farrugia Portelli.

“It-turist ma jiġix f’pajjiżna għax-xemx u l-baħar biss. It-turist irid esperjenzi ġodda x’jesplora, irid prodott aħjar. Pajjiżna fiċ-ċokon tiegħu għandu x’joffri tista’ tgħid f’kull parti tiegħu. Ninsabu fl-Esplora, Villa Bighi. Minnha nnifisha ġawhra f’lokalità mill-isbaħ bħalma hija l-Kalkara. Parti mit-tliet ibliet tal-Kottonera li waħedhom biss jattiraw aktar minn miljun turist fis-sena, li jfisser li 35% tat-turisti jżuru Bormla, il-Birgu u l-Isla,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Irreferiet għall-fatt li tul ix-xhur tal-pandemija fil-Belt Valletta sar investiment ta’ madwar €10 miljuni, fosthom il-proġett li sar f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, proġett tal-Ministeru għat-Turiżmu b’mużew virtwali ġdid u swali ġodda. Proġett li jikkumplimenta dawk li saru fil-Mużew tal-Gwerra u attrazzjonijiet oħrajn. Proġetti li min-naħa l-oħra huma kumplimentati mill-investiment li sar mill-privat, li minkejja n-nuqqas ta’ turisti kawża tal-pandemija baqa’ jinvesti, kif sar fil-Waterfront bi proġett ta’ madwar €2 miljuni.

“Ġew investiti €15-il miljun u nofs oħra f’20 lokalità, inkluż f’Kemmuna. Ħsibna għal żewġ parkeġġi ta’ kobor sostanzjali, wieħed fl-Għadira li x-xogħol fuqu jinsab kważi lest u ieħor f’Birżebbuġa li x-xogħol fuqu se jibda  fi żmien mhux bogħod. Ftaħna park ġdid għall-familja f’Ħaż-Żabbar. Dan apparti investiment ta’ €17-il miljun minn Parks Malta f’master plan biex ikunu mħarsin u kkurati aħjar il-widien kollha li għandna madwar Malta u Għawdex,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli. 

Huwa fatt magħruf li d-dinja kollha qegħda tesperjenza tnaqqis drastiku fin-numru ta’ nies li jivvjaġġaw għal skop turistiku. Malta mhix eċċezzjoni u kien għalhekk li l-Gvern ddeċieda li jkompli jwieżen it-turiżmu intern, “huwa għalhekk li l-Baġit 2021 jaħseb biex terġa’ tintuża skema oħra ta’ €50 miljun f’vouchers li €30 miljun minnhom se jmorru direttament fl-istabbilimenti, restoranti u lukandi. Rajna kif fix-xhur li għaddew, partikolarment fis-sajf, din l-iskema kienet strumentali biex settur daqstant vitali seta’ jibqa’ għaddej. U hekk se jerġa’ jsir. Meta ma’ dan tkun kkunsidrata miżura oħra ta’ solliev qawwi, il-miżura tal-wage supplement, faċilment tirrealizza kemm dawn iż-żewġ miżuri għenu biex kienu salvati ammonti kbar ta’ impjiegi fis-settur,” enfasizzat il-Ministru Farrugia Portelli.

“Ninsabu lesti għal għada. Lesti li nkompli nwieżnu lill-ħaddiema tagħna fis-settur tat-turiżmu. Il-mira tagħna hija l-kwalità  ta’ turiżmu li nattiraw aktar milli n-numru. Għalhekk se nkunu qegħdin naħdmu fuq strateġija lejn turiżmu iżjed sostenibbli, lejn id-diġitalizzazzjoni tas-settur, lejn turiżmu li jkun net zero carbon neutral. Lesti biex flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela nimxu b’saħħitna ’l quddiem,” temmet tgħid. Il-Ministru Farrugia Portelli.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista saħaq kif is-setturi fi ħdan id-dekasteru tiegħu ħadmu b’mod għaqli sabiex il-miri pjanati jintlaħqu. Huwa qal kif permezz ta’ pjan bil-għaqal u miżuri konkreti tejjibna s-servizz offrut bil-għan li ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. 

Hu spjega kif bħala Gvern ħdimna fost l-oħrajn sabiex intejbu id-dehra ta’ Malta. Dan wassal għal bżonn li nbiddlu l-infrastruttura u l-imminaġġijar ta’ tindif u l-manutenzjoni tal-pajjiż. Huwa żied jgħid kif settur ieħor f’dan is-Segretarjat, l-MCCAA, qiegħda hemm biex tibni l-fiduċja bejn il-konsumaturi u l-imsieħba ħalli jkollna ekonomija ġusta u l-konsumatur ikun fiċ-ċentru ta’ dak li nagħmlu. Dan xehed fil-ħidma qawwija waqt din il-pandemija. L-Awtorità dwar il-Mediċini dejjem żammet u se tibqa’ żomm il-pazjent fiċ-ċentru ta’ l-attivitajiet tagħha waqt li tkompli saħħaħ l-protezzjoni ta’ kull ċittadin. 

Hu għalaq id-diskors tiegħu billi saħaq kif flimkien bħala Gvern se nkomplu l-ħidma tagħna bil-għan li l-Għawdxin u l-Maltin kollha nimxu b’saħħitna ’l quddiem.​