Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201635

PR201635

01/09/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR: Boroż ta’ studju mill-ITS għad-Diploma fl-Ivjaġġar favur il-Klima

Waqt konferenza stampa fil-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS) fil-Kampus tal-Qala, Għawdex, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli ħabbret l-impenn kontinwu tal-gvern lejn l-ivjaġġar favur il-klima permezz tat-tnedija ta’ 30 boroż ta’ studju ffukati fuq it-trattament tat-tibdil fil-klima. Il-boroż ta’ studju huma għal diploma onlajn ġdida fl-ivvjaġġar favur il-klima li qed titmexxa mill-ITS u minn SUNx Malta u huma mmirati lejn dawk il-pajjiżi l-iktar affettwati mill-bidla fil-klima. Dan wara li aktar kmieni din is-sena l-kors għal din id-diploma kien diġà ġie offrut b’xejn lir-residenti mill-UE, Maltin u Għawdxin.

Din id-diploma, li tnediet aktar kmieni din is-sena, hija l-ewwel waħda tat-tip tagħha u se tħarreġ lill-istudenti kif jappoġġaw kumpaniji fl-industrija tal-ivjaġġar u tat-trasport biex jagħmlu l-bidliet meħtieġa ħalli jsiru newtrali għall-karbonju, fid-dawl tal-isfida globali attwali tal-bidla fil-klima.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli faħħret lill-ITS għall-mod effiċjenti li baqgħet tmexxi bih matul il-pandemija biex saħansitra llum qed inniedu dawn it-30 borża ta' studju. Hija qalet kif filwaqt li t-turiżmu u l-ivjaġġar huma kruċjali jeħtieġ li jsiru b’mod sabiex kemm jista’ jkun jitnaqqas l-impatt ambjentali. Il-ministru fakkret li hekk kif f’Ottubru li ġej Malta flimkien mal-ITS u SUNx, permezz tad-Diploma fl-Ivjaġġar favur il-Klima, se tkun tiskatta t-taħriġ f’dan is-suġġett tant delikat u rikonoxxut mad-dinja kollha. “Bit-tnedija ta’ dawn il-boroż ta’ studju Malta se tkun qed tkompli timpenja ruħha f’dan il-qasam hekk kif permezz tal-ftuħ aktar kmieni din is-sena ta’ dan l-istitut ġewwa l-ITS, saret iċ-ċentru globali tal-ivjaġġar favur il-klima”, sostniet il-Ministru Farrugia Portelli.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li d-Diploma fl-Ivjaġġar favur il-Klima, li mhux biss għall-ewwel darba se jingħata mill-Kampus tal-ITS ta’ Għawdex imma hija wkoll l-ewwel darba li qed jingħata kors akkreditat ta’ din ix-xorta b’mod internazzjonali. Qal li, “Huwa ta’ unur għalina l-Għawdxin li dan l-istitut se jibda jopera minn ġewwa Għawdex u għalhekk inħeġġeġ lill-Għawdxin sabiex japplikaw għal dan il-kors kif ukoll korsijiet oħra li qed joffri l-ITS.” Il-Ministru għal Għawdex temm jgħid li t-turiżmu huwa essenzjali għall-gżira Għawdxija u korsijiet bħal dan relatati mat-turiżmu jkomplu jgħinu sabiex aktar żgħażagħ jispeċjalizzaw f’setturi li huma tant importanti f’Għawdex. Dan filwaqt li jkomplu jitħarrġu għaż-żmien li ġej.

Il-Professur Geoffrey Lipman, il-President ta’ SUNx Malta u eks assistent Segretarju Ġenerali tal-UNWTO f’kollegament virtwali qal, “Għaqqadna madwar 25 għalliem li huma l-aktar infurmati dwar is-suġġett, biex jagħtu lezzjonijiet onlajn interattivi f’dan il-programm ta’ Diploma fl-Ivvjaġġar favur il-Klima. Dan jgħin biex iħejjihom għall-impjiegi favur il-klima fit-trasport u l-ospitalità sostenibbli, jew forsi għall-iżvilupp tal-politika tal-gvern, jew għall-immaniġġjar tad-destinazzjoni. Huma se jiskopru għaliex irid ikollna vjaġġar favur il-klima, biex nagħtu sehemna fir-rispons globali għall-kriżi fil-klima eżistenti. Se jitgħallmu jikkunsidraw it-trasformazzjoni tas-settur tal-ivjaġġar u t-turiżmu fl-oqsma li qed jevolvu tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-Ġnus Magħquda, Europe’s Green Deal u Paris Climate Agreement.

“Nemmnu li matul l-għaxar snin li ġejjin kull kumpanija tal-ivjaġġar u t-turiżmu u l-komunità se jagħmlu l-bidla lejn vjaġġar favur il-klima, kemm jekk permezz ta' għażla infurmata, pressjonijiet tal-konsumatur jew regolament tal-gvern. Għalhekk l-opportunitajiet tal-karriera se jimmultiplikaw b’mod qawwi”, temm jgħid il-Professur Lipman. 

Applikanti interessati jistgħu jirreġistraw għall-borża ta’ studju fuq https://www.thesunprogram.com/climate-friendly-travel-diploma

Individwi li huma interessati f’dan il-programm u jixtiequ jiksbu aktar informazzjoni għal din il-borża ta’ studju, jistgħu jidħlu fuq www.its.edu.mt.

Preżenti kien hemm ukoll id-Deputat Ch​airman tal-ITS Carlo Micallef, id-Direttur tal-Istudji l-Prof. Glen Farrugia, il-Kap tal-Amministrazzjoni tal-ITS f’Għawdex Jesmond Borg u Hans Friederich, membru tal-board SUNx Malta.