Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201736

PR201736

16/09/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI: Bdew ix-xogħlijiet fuq l-Ispazju għall-Kunċerti fil-Malta National Park f’Ta’ Qali

​​


Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg żar is-sit f’Ta’ Qali fejn bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet fuq medda ta’ art ta’ 43,000 metru kwadru li se tkun qed tittrasforma ruħha fi spazju għal kunċerti u attivitajiet tal-massa. Din l-art qabel kienet tintuża b’mod industrijali iżda sfat abbandunata, u l-gvern wettaq eżerċizzju fl-2017 biex ħadha lura bħala parti mill-proġett tal-Park Nazzjonali. 

Il-Ministru Ian Borg qal, “Il-Malta National Park hija l-ħolma tal-poplu – faċilità nazzjonali, bl-ikbar spazju miftuħ u ħadrani li se jkollu pajjiżna. Illum aktar minn qatt qabel, in-nies tgħallmet il-valur tal-ftuħ, u determinati li nwasslu dan il-proġett. Illum, qegħdin hawnhekk għax din il-ħolma bdiet tirrealizza ruħha permezz tal-ewwel xogħlijiet. Qegħdin nitkellmu fuq aktar minn 40,000 metru kwadru li huma inqas minn 10% tal-proġett. 450,000 metru kwadru għall-familji, għat-tfal, għaż-żgħażagħ, għall-anzjani tagħna. Se nkomplu naħdmu fuq dan il-proġett dinamiku u multi-dimensjonali għaċ-ċittadini u r-residenti kollha ta’ pajjiżna.” 

Is-sit fejn għaddej ix-xogħol se jkun wieħed mill-akbar spazji miftuħa fejn jistgħu jittellgħu kunċerti tal-ogħla livell u se tkun mgħammra bl-aktar servizzi u teknoloġiji moderni, u b’diversi faċilitajiet, inkluż dawk sanitarji u kiosks. Mad-dawra tas-sit se jinżergħu madwar 1,300 siġra, pjanti u arbuxxelli, u se jkun hemm ġibjun għall-ħażna tal-ilma tax-xita li se jintuża għat-tisqija tas-sit, inkluż it-turf naturali li se jinżera’ fuq l-ispazju kollu. Apparti użu għall-kunċerti u avvenimenti kbar, dan is-sit se jkun jista’ jintuża b’mod rikreazzjonali jew bħala picnic area wkoll.