Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201743

PR201743

16/09/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU FL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Tkompli tissaħħaħ il-ħidma favur il-ħarsien tal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol Sejħa għal Compliance Officers mad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi

Il-Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, permezz tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi, bħalissa għaddej b'sejħa ta' reklutaġġ ghal Compliance Officers ġodda, dan bil-għan li d-Dipartiment isaħħaħ l-infurzar sabiex dejjem aktar nassiguraw li l-kundizzjonijiet u d-drittijiet tal-ħaddiema jiġu mħarsa.

 

Il-Ministru Carmelo Abela qal li jemmen li huwa r-rispett reċiproku bejn il-ħaddiema u min iħaddem  li jkomplu jagħtu l-kuraġġ u l-kunfidenza lill-Gvern li l-ekonomija terġa' tikber fil-livelli ta' qabel il-pandemija. Qal li l-Gvern, permezz tal-programm elettorali tiegħu, kien wiegħed li se jsaħħaħ il-ġlieda kontra l-prekarjat għaliex jemmen f'kundizzjonijiet tax-xogħol adekwati għall-ħaddiema, kif jistħoqqilhom. Huwa qal li din is-sejħa għal dan ir-reklutaġġ, sabiex id-Dipartiment jissaħħaħ fir-riżorsa umana tiegħu, hija parti minn katina ta' inizjattivi li d-Dipartiment qed jieħu f'dan ir-rigward.

 

Il-Ministru Abela rringrazzja lit-tim preżenti ta' compliance officers u ħeġġeġ iżjed żgħażagħ jaqbdu din il-linja li toffri karriera fil-qasam ta' investigazzjonijiet marbuta mal-post tax-xogħol. Huwa qal li parti mix-xogħol tal-compliance officers fost l-oħrajn jinkludi li:

 

  • Iwettqu dmirijiet fir-rigward tal-ftuħ ta' każijiet investigattivi kif irċevuti jew kif jingħataw struzzjonijiet;
  • Iwettaq investigazzjonijiet u dmirijiet oħra relatati mal-infurzar marbuta mal-leġiżlazzjoni tal-EIRA inklużi, iżda mhux limitati għal, spezzjonijiet fuq il-postijiet tax-xogħol;
  • Jiltaqa' ma ħaddiema kif ukoll ma' min iħaddem sabiex jassistihom, jagħti pariri kif ukoll jaġixxi ta' medjaturi rigward kwistjonijiet marbuta mal-liġi tal-EIRA.

 

Hu fakkar kif  matul is-sena li għaddiet id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi investiga 'l fuq minn elf każ ta' allegat ksur fil-kundizzjonijiet tax-xogħol jew ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema. Hawn huwa fakkar ukoll li l-linji ta' assistenza għal ħaddiema bin-numru 1575 u min iħaddem bin-numru 1576 għadhom miftuħa u dawk kollha li jixtiequ jagħmlu mistoqsija marbuta mal-kundizzjonijiet tax-xogħol, huma imħeġġa li jagħmlu dan.

 

Dawk kollha interessati li japplikaw jistgħu jsibu aktar informazzjoni u japplikaw fuq is-sit https://recruitment.gov.mt. Id-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet hija nhar it-Tlieta 22 ta' Settembru 2020 fis-13:30.

 

“Dan hu Gvern li jaħdem b'viżjoni għal-lum u għal għada sabiex jassigura mhux biss ekonomija sostenibbli iżda wkoll suq tax-xogħol li jkun b'kundizzjonijiet sostenibbli għal ġenerazzjonijiet tal-lum u għada", ikkonkluda l-Ministru Carmelo Abela.​​