Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201761

PR201761

18/09/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAL-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR U L-INDAFA PUBBLIKA

Irendi tajjeb ix-xogħol ta’ tindif fil-widien li sar mill-Valley Management Unit u d-Diviżjoni tal-Manutenzjoni u t-Tindif​

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli żaret flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista Wied Ħesri fis-Siġġiewi, fejn segwew ħidmet il-Valley Management Unit fi ħdan Parks Malta flimkien mad-Diviżjoni tal-Manutenzjoni u t-Tindif, żewġ entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur.

Il-ħidma wasslet biex, fejn saru dawn ix-xogħlijiet, l-ilma tax-xita għadda b’mod aktar komdu mill-widien bla ma saret ħsara fl-għelieqi tal-madwar.

Fil-fatt, fl-ewwel maltempati tal-istaġun, fejn hu stmat li niżlet kważi 20% tax-xita kollha li hi stmata li tinżel f’Malta kull sena, dan ix-xogħol renda tajjeb għax ma kienx hemm rapporti ta’ ħsarat fil-widien.

Fil-ħidma tiegħu, il-Valley Management Unit neħħa diversi materjal u numru ta’ pjanti u speċi invażivi li akkumula fil-widien fuq firxa ta’ 10,000 metru kwadru sabiex tittejjeb il-mixja tal-ilma.

Tneħħew ukoll mal-100 tunnellata ta’ skart fosthom skart domestiku u skart tal-kostruzzjoni li ntremew b’mod illegali u tneħħa wkoll sediment minn 25,000 metru kwadru ta’ widien. Dan barra kostruzzjoni ta’ lqugħ u rijabilitazzjoni ta’ ħitan tas-sejjieħ f’diversi widien.

Il-Ministru Farrugia Portelli enfasizzat li din il-ħidma fil-widien saret pari passu mal-masterplan ta’ €17-il miljun li kien tħabbar f’Lulju li għadda, li fost oħrajn qed jistħarreġ kemm qed jinġabar ilma mill-widien.

Il-Ministru żiedet li dan il-masterplan jinkludi wkoll konsultazzjoni ma’ numru ta’ stakeholders li jinkludu kunsilli lokali, aġenziji, għaqdiet mhux governattivi u bdiewa, bl-għan li jikkontribwixxu l-fehmiet tagħhom fuq dan il-proġett tant bżonnjuż.

Tkellmet ukoll dwar il-ħidma fil-widien, fejn fl-aħħar sentejn u nofs f’Wied Ħesri biss tħawwlu madwar 500 siġra u li llum viżibilment huma xhieda ta’ din il-ħidma. 

Dan filwaqt li matul din is sena biss, il-Valley Management Unit ħawwlet mal-200 siġra fil-widien u mistennija jkomplu jitħawwlu numru ikbar ta’ siġar bl-għan li jsir tisbieħ, filwaqt li tkun mgħejjuna wkoll l-ekosistema tal-widien.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli raddet ħajr lil Valley Management Unit, kif ukoll id-Diviżjoni tat-Tindif u l-Mantutenzjoni għall-ħidma li jagħmlu regolarment, partikolarment matul dan is-sajf. “Il-widien u l-ekosistemi huma importanti ferm għall-ambjent naturali u l-pajsaġġ Malti. Ninsabu impenjati biex filwaqt li l-maltempati ma joħolqux ħsarat fil-widien, dawn il-widien joffru wkoll esperjenza differenti u dimensjoni ġdida kemm għall-Maltin, kif ukoll għal dawk kollha li jagħżlu li jżuru pajjiżna.”

Filwaqt li dawn ix-xogħlijiet sabu l-koperazzjoni u l-assistenza tad-Diviżjoni tal-Manutenzjoni u t-Tindif, din id-diviżjoni kienet impenjata wkoll b’ħidma ta’ tindif f’inħawi oħra.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista spjega kif, fost oħrajn, id-Diviżjoni naddfet mal-5,000 fossa tad-drenaġġ, 464 passaġġ tal-ilma, mas-6,000 metru ta’ culverts u rranġat mal-256 slabbed pit. 

Id-Diviżjoni kienet impenjata wkoll biex fl-aħħar jiem tnaddaf diversi toroq mill-ħmieġ u d-debris li ħolqu l-maltempati tal-aħħar jiem u li setgħu kienu ta’ periklu għas-sewwieqa u min juża t-toroq.

Matul din is-sena sal-aħħar ta’ Awwissu, id-Diviżjoni ġabret ukoll mal-11,000 tunellata ta’ skart mormi illegalment madwar il-pajjiż.

Is-Segretarju Parlamentari Debattista rringrazzja lill-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u Manutenzjoni talli lejl u nhar jaħdmu bla qatigħ biex jaraw li ħsara li tkun saret tiġi rranġata. B’hekk, niggarantixxu li kollox ikun jista’ jerġa jiġi lura għan-normal fi żmien qasir.

Jakkumpanjaw lill-Ministru u s-Segretarju Parlamentari kien hemm l-Uffiċjal Xjentifiku Prinċipali tal-Valley Management Unit is-Sur Alex Borg Galea, id-Direttur f’Parks Malta s-Sur Ivan Farrugia u d-Direttur Ġenerali tal-Manutenzjoni u t-Tindif Ramon Deguara.