Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201764

PR201764

18/09/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Jingħata bidu għall-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2020

​​

Sena ta' konsolidament u tiġdid għas-Servizz Pubbliku

 

Illum ingħata bidu għall-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2020, bit-tema 'Servizz Pubbliku Dejjem Miegħek'. Fil-ftuħ ta' din il-ġimgħa, is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, nieda pubblikazzjoni li tagħti ħarsa lejn ħidmet is-Servizz Pubbliku matul dawn l-aħħar tnax-il xahar. Ġew ippreżentati wkoll l-ewwel riżultati ta' analiżi akkademika li saret dwar il-ħidma tas-Servizz Pubbliku, li juru fost affarijiet oħra li 61% tal-pubbliku jemmnu li s-servizzi tal-gvern tjiebu.

 

F'konferenza tal-aħbarijiet, is-Sur Cutajar qal li s-Servizz Pubbliku jwassal lill-klijenti tiegħu mal-2,000 servizz kuljum, li f'sena jfissru kważi 13-il miljun interazzjoni. Huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li l-perċentwal ta' nisa fit-tmexxija tas-Servizz Pubbliku jinsab minn ta' quddiem nett fl-Ewropa, tant li 46% tal-ogħla karigi huma okkupati min-nisa. Din iċ-ċifra hija d-doppju ta' dik fl-2012.

 

Is-Sur Cutajar qal li s-suċċess ta' dawn l-aħħar snin jitkejjel ukoll mill-fiduċja fis-Servizz Pubbliku. Fil-fatt il-Eurobarometer juri li l-fiduċja tal-pubbliku fis-Servizz Pubbliku Malti hija ta' 18-il punt perċentwali ogħla mill-medja Ewropea.

 

Din il-fiduċja, kompla s-Sur Cutajar, ġiet ikkonfermata minn stħarriġ li sar f'dawn l-aħħar xhur u li r-riżulatati tiegħu ġew ippreżentati llum mit-tliet akkademiċi ewlenin li wettquh, jiġifieri l-Professur Frank Bezzina, Dekan tal-FEMA fl-Università ta' Malta; Dr Vincent Marmarà, lettur fl-Università ta' Malta; u Dr Emanuel Camilleri, lettur anzjan fl-Università ta' Malta.

 

Minn dan l-istudju, jirriżulta li 61% tal-popolazzjoni jemmnu li s-servizzi tal-gvern tjiebu; 74% jgħidu li s-servizzi online tjiebu; 64% jafu bit-tiġdid li qed isir fis-Servizz Pubbliku; u 77% jafu b'servizz.gov u bis-servizzi tiegħu.

 

Is-Sur Cutajar qal li dawn ir-riżultati jkomplu jikkonfermaw li minn Servizz Pubbliku li kien ta' taħbil il-moħħ għan-nies, issa għandna Servizz Pubbliku li jirbaħ awards internazzjonali – servizz li m'għadux wieħed li jrid jiġri warajh iċ-ċittadin iżda li jmur hu stess għand il-klijent u li hu aċċessibbli minn kullimkien, 24 siegħa kuljum.

 

Is-Sur Cutajar qal li minkejja ċ-ċirkostanzi straordinarji li pajjiżna għadda minnhom din is-sena, is-Servizz Pubbliku żamm il-wegħda tiegħu li l-2020 tkun sena ta' konsolidament li matulha nanalizzaw dak li sar, intejbu fejn hemm bżonn u nirranġaw fejn meħtieġ. Is-sena li għaddiet, is-Servizz Pubbliku wiegħed ukoll li ma jibqax jitkellem biss fuq simplifikazzjoni u tnaqqis fil-burokrazija iżda wkoll dwar il-ħidma tas-Servizz Pubbliku fit-totalità tagħha. Rendikont ta' dan ingħata fil-pubblikazzjoni li tnediet illum u li turi kif matul l-2019 is-Servizz Pubbliku wettaq 156 miżura ta' simplifikazzjoni. Dan jammonta għal perċentwal sinjifikanti ta' 70% implimentazzjoni u jfisser ukoll li f'dawn l-aħħar seba' snin is-Servizz Pubbliku wettaq 'il fuq minn 950 miżura ta' simplifikazzjoni.

 

Is-Sur Cutajar qal li fid-dawl ta' dan kollu, it-tema tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku ta' din is-sena – 'Servizz Pubbliku Dejjem Miegħek' - intgħażlet proprju għax is-servizzi llum qegħdin ħdejn iċ-ċittadin, u l-klijent huwa l-focus tas-Servizz Pubbliku.

 

Matul din il-ġimgħa, permezz tal-attivitajiet li se jittellgħu, is-Servizz Pubbliku se jkun qed jesponi  bil-fatti l-kwalità tas-servizzi li jagħti, imsejsa fuq l-erba' pilastri: Il-Vuċi - ser inkunu qed niltaqgħu mal-istakeholders u nisimgħu x'għandhom xi jgħidu; Id-Disinn - nitkellmu fuq policies u nħejju għall-ġejjieni dwar suġġetti varji fosthom ir-Remote Working u l-prospetti tal-Intelliġenza Artifiċjali; Il-Pakkett - ser inkunu qed nirrikonoxxu s-servizz ta' kwalità permezz tal-Quality Label; u l-Kontabilità - permezz tat-tnedija ta' żewġ pubblikazzjonijiet, waħda dwar il-ħidma tas-Servizz Pubbliku fl-aħħar tnax-il xahar u l-oħra bit-tweġiba tal-Amministrazzjoni Pubblika għar-rapporti tal-Awditur Ġenerali. ​