Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201771

PR201771

19/09/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Servizz Pubbliku Dejjem Miegħek ... fil-qasam edukattiv ukoll

​​

It-tema magħżula għall-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku ta' din is-sena hija 'Servizz Pubbliku Dejjem Miegħek', għax is-servizz jitfassal fuq il-ħtiġijiet tiegħek, jintlaħaq fil-kumdità tiegħek u allura qiegħed hemm, dejjem miegħek. Dan jgħodd ukoll għas-settur tal-edukazzjoni.

 

Hekk qal is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar waqt żjara li għamel fl-Iskola Sekondarja Verdala ta' Bormla, li tagħmel parti mill-Kulleġġ Santa Margerita. Iż-żjara saret bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2020, li tibqa' għaddejja sal-Ġimgħa 25 ta' Settembru, u matulha s-Segretarju Permanenti Ewlieni kien akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dr Francis Fabri.

 

Matul iż-żjara li kienet miftuħa għall-ġurnalisti, is-Sur Cutajar kellu l-opportunità li jara wħud mir-riżultati tanġibbli tal-investiment finanzjarju qawwi li sar fil-qasam edukattiv f'dawn l-aħħar seba' snin, fosthom il-workshops state-of-the-art li hemm f'din l-iskola biex l-istudenti jieħdu esperjenza prattika f'oqsma bħall-ospitalità, is-sbuħija u l-hairdressing, il-moda u t-tessuti, it-teknoloġija tal-informatika u l-inġinerija.

 

Is-Sur Cutajar qal li f'pajjiż żgħir u nieqes mir-riżorsi naturali bħal Malta, nisħqu ħafna fuq l-importanza tar-riżorsi umani. L-edukazzjoni hija proprju ċ-ċavetta biex ikollna nies adatti fil-postijiet tax-xogħol tal-lum u ta' għada.

 

Is-Servizz Pubbliku, qal is-Sur Cutajar, tant jemmen bis-sħiħ fl-importanza tal-edukazzjoni li waqqaf istituzzjoni hu stess biex l-uffiċjali pubbliċi jibqgħu jitgħallmu u jitħarrġu tul il-karriera tagħhom. Waqqaf ukoll il-one-stop-shop edu servizz.gov, fejn b'telefonata jew bi żjara wieħed jista' jinqeda b'aktar minn 60 servizz b'rabta mal-qasam tal-edukazzjoni.

 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni żied jgħid li l-investiment finanzjarju kbir li seħħ fis-Servizz Pubbliku f'dawn l-aħħar snin jirrifletti ruħu wkoll fil-qasam tal-edukazzjoni, fost oħrajn bil-bini ta' skejjel, laboratorji u workshops ġodda. L-istess jista' jingħad għall-investiment fit-teknoloġija, li ġie estiż ukoll għall-iskejjel primarji bl-għoti ta' tablet lil kull student tar-raba' u tal-ħames sena biex b'hekk l-adulti ta' għada jitrawmu minn kmieni fl-użu tat-teknoloġija.

 

Filwaqt li jiffoka fuq l-istudenti, is-Servizz Pubbliku jaħseb ukoll fl-għalliema. Filwaqt li ġie konkluż ftehim kollettiv ġdid għalihom, twaqqaf il-Bord Nazzjonali tal-Edukazzjoni Obbligatorja li għandu funzjoni konsultattiva u li jiġbor fih rappreżentanza tal-għalliema, ġenituri u l-industrija, temm jgħid is-Sur Cutajar.

 

Min-naħa tiegħu, Dr Francis Fabri tkellem dwar il-programm My Journey: Achieve Through Different Paths, li tfassal f'dawn l-aħħar snin biex jara li kull student jigħallem skont il-ħiliet partikolari tiegħu u biex l-ebda student ma jibqa' lura jew jintilef tul triqtu.

 

Dr Fabri spjega li My Journey joffri rotta vokazzjonali u prattika li għaliha jista' jmur kull student bla ma jħossu inferjuri. Huwa qal li biex jimplimenta din is-sistema, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol iffoka wkoll fuq l-infrastruttura meħtieġa. Fil-fatt, permezz ta' fondi nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea, twaqqfu madwar 77 workshop mgħammra bl-aħħar teknoloġija. L-ispiża totali tal-proġett My Journey ammontat għal €12-il miljun.​