Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201779

pr201779

21/09/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Il-fiduċja u l-investiment fis-Servizz Pubbliku riflessi wkoll fil-Pulizija u fil-Forzi Armati

​L-investiment qawwi fit-teknoloġija li sar f’dawn l-aħħar snin fis-Servizz Pubbliku, kif ukoll il-qabża kbira fil-fiduċja tal-pubbliku fis-servizzi governattivi, qed jirriflettu ruħhom ukoll fil-Korp tal-Pulizija u fil-Forzi Armati.

Dan qalu s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar fl-ewwel żewġ żjarat minn sensiela li għamel f’postijiet tax-xogħol differenti bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2020. F’dawn l-ewwel żjarat, is-Sur Cutajar iddawwar ma’ taqsimiet diversi fi ħdan il-Forzi Armati u l-Korp tal-Pulizija.

Matul dawn iż-żjarat, ġew diskussi metodi kif ikun hemm koperazzjoni akbar u aktar strutturata bejn l-Armata u l-Korp tal-Pulizija kif ukoll għajnuna liż-żewġ korpi dixxiplinati mill-amministrazzjoni pubblika ċentrali biex jitjieb l-operat u jingħata servizz aħjar lill-poplu.

Fiż-żjara lill-Forzi Armati, is-Segretarju Permanenti Ewlieni ntlaqa’ mill-Brigadier Jeffrey Curmi, li spjega l-investiment qawwi li sar f’dawn l-aħħar snin biex il-Forzi Armati jkunu mgħammra b’apparat state-of-the-art. L-ewwel post li żar is-Sur Cutajar kien is-Sezzjoni Marittima f’Xatt it-Tiben, fejn ingħata tagħrif dwar l-inġenji tal-baħar P61, P24 u l-interceptor P2. Huwa ltaqa’ mas-suldati li jaħdmu fuq il-baħar, li spjegaw li meta jkunu fuq il-baħar jiltaqgħu ma’ ħafna ċirkustanzi differenti u ġieli perikolużi. Is-Sur Cutajar iltaqa’ wkoll ma’ studenti tal-MCAST li qed jitħarrġu f’taqsimiet differenti tal-Forzi Armati f’diversi snajja’ kif ukoll fl-inġinerija. Huwa nnota li anke hawnhekk, is-Servizz Pubbliku se jkun qed joffri l-karriera li dawn iż-żgħażagħ tant jixtiequ.  

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni żar ukoll l-AirWing tal-Armata fil-mitjar ta’ Ħal Luqa, fejn iddawwar mal-flotta ta’ ħelikopters u ajruplani. Huwa segwa taħriġ bir-robot mis-Sezzjoni tal-Isplussivi kif ukoll spezzjona armi u tagħmir ieħor. Anke hawnhekk, minbarra mal-piloti u mas-suldati, iltaqa’ ma’ studenti-ħaddiema li qed jaspiraw għal karriera fis-Servizz Pubbliku. Huwa nnota li kuntrarjament għal dak li jaħsbu xi wħud, il-Forzi Armati joffru karrieri diversi mhux biss militarment iżda anke f’inġinerija u fil-manutenzjoni.   

Fiż-żjara lill-Korp tal-Pulizija, is-Segretarju Permanenti Ewlieni kien milqugħ u akkumpanjat mill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà. Fl-Imtarfa, f’uffiċċju ġdid minn fejn se jitħaddem il-community policing fiż-żona, is-Sur Cutajar ingħata tagħrif dwar dan il-kunċett, li qed jagħti l-frott mixtieq fejn ġie introdott s’issa u li għen mhux ftit biex tikber il-fiduċja tan-nies fil-pulizija. Bl-istess mod li s-Servizz Pubbliku f’dawn l-aħħar snin qarreb is-servizzi tiegħu lejn iċ-ċittadini fil-komunità, hekk ukoll permezz tal-community policing huma l-pulizija li jmorru qalb in-nies u jwettqu ħidma ta’ prevenzjoni u edukazzjoni.

Il-community policing ilu attiv għal din l-aħħar sena fil-Mellieħa u wara s-suċċess miksub se jiġi estiż ukoll għal diversi lokalitajiet oħra. Anke hawnhekk, l-investimenti fit-teknoloġija huma evidenti, b’sistemi real time li qed jgħinu mhux ftit lill-pulizija fil-ħidma tagħhom.   

Is-Sur Cutajar żar ukoll il-faċilitajiet f’Ta’ Kandja għat-Taqsima ta’ Interventi Speċjali (SIU), fejn il-membri taw dimostrazzjoni prattika tal-ħidma tagħhom billi ħadu sehem f’simulazzjonijiet. Hawnhekk ħarġet l-importanza ta’ taħriġ kontinwu, fid-dawl tal-fatt li l-membri ta’ din it-taqsima huma mistennija jieħdu deċiżjonijiet ta’ ħajja jew mewt fi żmien qasir. Is-Sur Cutajar iddawwar ukoll mad-Depot tal-Pulizija, fejn ra l-uffiċini ġodda li qed jitħejjew għas-Cyber Crime Unit u ltaqa’ mal-ħaddiema tal-International Relations Unit li jaħdmu id f’id mal-Interpol u mal-Europol. Hawnhekk ukoll qed jissoktaw l-investimenti teknoloġiċi biex il-pulizija tkun tista’ topera b’effiċjenza.

Il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2020 tibqa’ għaddejja sal-Ġimgħa 25 ta’ Settembru, bit-tema ‘Servizz Pubbliku Dejjem Miegħek’.​​