Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201791

PR201791

23/09/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: L-investiment teknoloġiku fid-Dwana u fl-Arkivji Nazzjonali qed jagħti l-frott

​​
L-investiment teknoloġiku li sar f’dawn l-aħħar snin fis-Servizz Pubbliku, u li jlaħħaq għal €150 miljun, qed jagħti l-frott kemm fl-Arkivji Nazzjonali fejn qed inkabbru l-kapaċitajiet tagħna ta’ arkivjar u ta’ dokumentazzjoni kif ukoll fid-Dwana, fejn permezz ta’ investiment bla preċedent wasalna għal qabdiet rekord ta’ droga u ta’ oġġetti illeċti. 

Dan qalu s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar meta żar l-Arkivji Nazzjonali u taqsimiet differenti tad-Dwana bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2020, li għandha t-tema ‘Servizz Pubbliku Dejjem Miegħek’ u li tibqa’ għaddejja sal-Ġimgħa, 25 ta’ Settembru.

Fl-Arkivji Nazzjonali fir-Rabat, is-Sur Cutajar intlaqa’ u ddawwar mal-post minn Dr Charles Farrugia, l-arkivista nazzjonali. Is-Sur Cutajar iltaqa’ mal-ħaddiema u ngħata spjegazzjoni tax-xogħol involut fil-konservazzjoni ta’ dokumenti u l-proċess biex dawn jiġu katalogati u jkunu disponibbli għall-pubbliku. Ingħata wkoll tagħrif dwar proġetti importanti bħal ‘Memorja’.

Filwaqt li fakkar li s-Servizz Pubbliku jista’ joffri karriera b’ħafna sodisfazzjon lil persuni speċjalizzati f’dawn l-oqsma, is-Sur Cutajar qal li l-Arkivji Nazzjonali għandhom sehem fl-istrateġija ta’ diġitalizzazzjoni tas-Servizz Pubbliku, fejn se jkunu parti essenzjali mill-proġett ta’ filing elettroniku fid-dipartimenti tal-gvern. Fi żmien meta qed tinħass dejjem aktar il-ħtieġa ta’ dokumenti disponibbli b’mod elettroniku, dan huwa proġett indispensabbli partikolarment fejn jidħol remote working.

Is-Sur Cutajar fakkar ukoll fil-pjanijiet li hemm għal binja ġdida f’Ta’ Qali bil-għan li l-Arkivji Nazzjonali jkollhom aktar wisa’.

Meta żar il-kumpless tad-Dwana fil-Freeport, is-Sur Cutajar intlaqa’ mid-Direttur Ġenerali tad-Dwana, is-Sur Joseph Chetcuti, li semma kif l-investimenti finanzjarji li saru fid-Dwana f’dawn l-aħħar snin, fosthom €8 miljun fi scanners u f’makkinarju ieħor, wasslu biex qed jinqabdu ammonti kbar ta’ droga. Is-Sur Cutajar iltaqa’ mal-ħaddiema u segwa mill-qrib il-proċess li jseħħ meta spetturi tad-Dwana jiskennjaw il-kontejners. Dan huwa xogħol metikoluż ħafna imma ta’ sodisfazzjon għax il-qabdiet rekord li qed isiru qed jaqtgħu nifs il-kriminali.

Aktar tard is-Sur Cutajar żar ukoll il-binja l-ġdida tat-Taqsima tal-Klieb tad-Dwana f’Ħal Far, fejn bħalissa hemm tmint iklieb imħarrġin għal kull eventwalità. Din il-binja hija ċ-ċirasa fuq il-kejk tal-investimenti kollha li saru biex anke f’dan il-qasam, is-Servizz Pubbliku jkun dejjem fuq in-naħa taċ-ċittadin onest. 

Filwaqt li faħħar l-impenn u d-dedikazzjoni tal-handlers ta’ dawn il-klieb, is-Sur Cutajar kellu wkoll kliem ta’ ammirazzjoni għall-klieb infushom, li taw wirja ta’ ħiliethom flimkien mal-aħħar membru li ngħaqad magħhom – doberman bl-isem ta’ Zekkin li ġie sponsorjat mill-Bank Ċentrali.  

L-attivitajiet organizzati matul il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku jistgħu jiġu segwiti live fuq il-paġna ta’ Facebook tas-Servizz Pubbliku.