Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201808

PR201808

24/09/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Kwartieri ġodda jkomplu jsaħħu l-istorja ta’ suċċess ta’ servizz.gov

​​​
Il-kwartieri ġodda fil-Mosta minn fejn se jibda jopera servizz.gov se jkomplu jsaħħu l-istorja ta’ suċċess ta’ din l-aġenzija li f’ħames snin biss biddlet għalkollox il-kunċett ta’ kif is-Servizz Pubbliku jwassal is-servizzi tiegħu u kienet il-katalista tal-qabża kbira fil-fiduċja tan-nies fis-Servizz Pubbliku.

Dan qalu s-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, meta bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2020 żar il-kwartieri ġodda ta’ servizz.gov li se jiġu inawgurati dalwaqt. Is-Sur Cutajar ġie milqugħ u mdawwar mal-post mill-Kap Eżekuttiv ta’ servizz.gov, is-Sur Massimo Vella, u membri oħra tal-management tal-aġenzija. Aktar tard is-Sur Cutajar żar ukoll wieħed miċ-ċentri reġjonali ta’ servizz.gov – dak ta’ Ħal Qormi, li se joffri l-opportunità lill-uffiċjali pubbliċi biex jaħdmu b’mod remot minn ġo fih.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni elenka wħud mis-suċċessi ta’ servizz.gov f’dawn l-aħħar snin, li matulhom wettaq l-għan tas-Servizz Pubbliku li jqarreb is-servizzi lejn iċ-ċittadin u b’hekk tejjeb drastikament l-esperjenza tal-klijent meta jiġi bżonn dawn is-servizzi.

Is-Sur Cutajar semma kif minn ħames hubs reġjonali fil-bidu tiegħu, illum servizz.gov għandu 24 hub li kull wieħed minnhom iwassal 1500 servizz taħt saqaf wieħed. Fuq il-freephone 153, illum servizz.gov jirċievi mas-60,000 telefonata fix-xahar – qabża kbira meta mqabbla maċ-ċifra ta’ 2000 telefonata ħames snin ilu. Dan minbarra s-servizzi governattivi miġburin f’sit elettroniku wieħed flimkien mal-formoli relevanti, kif ukoll il-mobile app maltapps li kompliet tagħmel is-servizzi tal-gvern aċċessibbli minn kullimkien 24 siegħa kuljum.

Is-Sur Cutajar semma wkoll it-tliet ċentri speċjalizzati ta’ servizz.gov li twaqqfu l-Furjana s-sena li għaddiet u li kull wieħed minnhom jiffoka fuq qasam partikolari, jiġifieri l-edukazzjoni, it-taxxa u l-familja. 

Is-Sur Cutajar qal li bla dubju s-suċċessi ta’ servizz.gov se jkomplu jiżdiedu fiż-żmien li ġej biex b’hekk inwettqu iktar ir-rieda tagħna li s-Servizz Pubbliku jwassal servizz ta’ eċċellenza lill-klijenti tiegħu.