Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201810

PR201810

24/09/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Is-Servizz Pubbliku Malti jerġa’ fl-ewwel post fl-Ewropa fl-e-government

Malta reġgħet ikklassifikat fl-ewwel post minn fost 36 pajjiż għas-servizzi pubbliċi online li tipprovdi. Is-Servizz Pubbliku Malti kklassifika fl-ewwel post minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Iżlanda, Norveġja, Montenegro, Serbja, Svizzera, Turkija u r-Renju Unit. Malta kklassifikat fl-ewwel post fil-kriterji kollha li fuqhom huwa bbażat dan l-eżerċizzju msejjaħ e-government benchmarking li jsir kull sena mill-Kummissjoni Ewropea.

 

Malta ġiet fl-ewwel post fil-kwalità tad-disinn u tas-servizz fih innifsu u l-faċilità li bih jintuża mill-klijenti li jiġu bżonnu. Is-servizzi online Maltin ġabu 99% tal-punti li huwa 12.5 punti perċentwali ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea

 

Is-servizz pubbliku ġie l-ewwel ukoll minn fost is-36 pajjiż fit-trasparenza addottata fis-servizzi mogħtija. Hawnhekk, Malta hija 33 punti perċentwali ogħla mill-medja fl-Unjoni Ewropea bi 98% tal-punti.

 

Malta kklassifikat ukoll l-ewwel bi 36 punti perċentwali ogħla mill-medja fl-Unjoni Ewropea għall-aċċessibbiltà tas-servizzi online anki meta ċittadini jkunu 'l bogħod minn pajjiżhom b'87% tal-punti u wkoll 89% tal-punti fejn tidħol aċċessibbiltà lil hinn minn Malta għan-negozji.

 

Is-Servizz Pubbliku ġab il-100% tal-punti fejn jidħlu l-elementi tekniċi li huma meqjusa importanti għat-twassil tas-servizzi governattivi online. Dan il-persentaġġ jimmarka 39 punti perċentwali ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea.

 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li dan huwa sodisfazzjon ieħor għas-servizz pubbliku li f'dawn l-aħħar snin ikklassifika u ħa awards bir-rikonoxximent tagħhom għandu jmur għand l-uffiċjali pubbliċi li fehmu l-messaġġ tat-tiġdid meħtieġ biex il-klijent ikun il-focus prinċipali ta' kull ħidma li ssir mis-Servizz Pubbliku. Huwa rringrazzja b'mod partikolari lit-timijiet tekniċi li hemm fil-ministeri, lill-MITA u lil dawk kollha li kellhom sehem fl-iżvilupp u fl-investiment fit-teknoloġija bla preċedent li sar matul dawn l-aħħar snin biex intlaħqu dal-livelli ġodda li qed jilħaq is-Servizz Pubbliku.

 

“Li pajjiżna jiġi l-ewwel fost dal-pajjiżi kollha diġà hija kbira imma ikbar hi li żżomm postok fl-ogħla post bla interruzzjoni meta hemm ġganti fit-teknoloġija meqjusa l-aqwa fis-settur bħall-Estonja u l-Awstrija għalija hija ferm iktar kbira."

 

Matul din il-Ġimgha għas-Servizz Pubbliku 2020 li qed issir bħalissa, it-teknoloġija ġiet diskussa f'konferenza apposta biex tkun imħejjija t-tielet strateġija tas-Servizz Pubbliku għall-iżvilupp fit-teknoloġija li qed tkun deskritta mis-Segretarju Permanenti Ewlieni bħala ċ-ċavetta għal servizz ta' eċċellenza mis-Servizz Pubbliku. Matul din il-Ġimgha għas-Servizz Pubbliku, sar magħruf ukoll li fi stħarriġ li sar waqt studju tal-miżuri kollha ta' tiġdid li saru fis-Servizz Pubbliku mill-2013 lil hawn irriżulta li 74% tal-poplu jemmen li s-servizzi online tal-gvern tjiebu.

 

Fl-2014, is-Servizz Pubbliku Malti imbarka fuq it-tiġdid tiegħu bl-għan li jwassal servizz aħjar lill-poplu bl-ewwel viżjoni tiegħu tkun li s-servizzi pubbliċi jkunu aċċessibbli 24 siegħa kuljum is-sena kollha. L-implimentazzjoni ta' din il-viżjoni fissret it-twaqqif ta' servizz.gov, l-aġenzija li minnha joħorgu s-servizzi tal-gvern, investiment ta' 150 miljun ewro fit-teknoloġija fl-aħħar ħames snin, u 40 miljun ewro oħra ta' investiment fi proġetti li għaddejjin bħalissa.​