Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201815

PR201815

24/09/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: It-taħriġ hu parti essenzjali mill-għoti ta’ servizz aħjar

​​

“It-taħriġ hu parti essenzjali mill-għoti ta' servizz aħjar. Fil-fatt, meta fl-2013 rajna kif kien is-Servizz Pubbliku u fassalna l-viżjoni ta' fejn ridna naslu, rajna wkoll li parti essenzjali mill-vacuum ta' bejniethom riedet timtela permezz tat-taħriġ."

 

Dan qalu s-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar, meta żar l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2020. Matul din iż-żjara, tnediet is-sena akkademika l-ġdida tal-Istitut, filwaqt li ngħata rikonoxximent b'mod virtwali lil 516-il student ta' dan l-istitut li f'ċirkostanzi normali kienu se jiggradwaw illum. Ġiet inawgurata wkoll librerija ġdida fl-istess Istitut.

 

Is-Sur Cutajar fakkar li, minbarra l-klijenti esterni, is-Servizz Pubbliku għandu wkoll il-klijenti interni, jiġifieri l-uffiċjali pubbliċi, li fihom irid jinvesti daqskemm jinvesti fis-servizz innifsu. Wieħed mill-modi kif jinvesti fihom huwa proprju permezz tal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi, li joffrilhom opportunitajiet ta' tagħlim u taħriġ.

 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li l-ġrajja tal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi, għalkemm għadha fl-ewwel snin tagħha, hija waħda ta' suċċess. Huwa fakkar kif l-Istitut twaqqaf fl-2016, permezz ta' sħubija strateġika mal-Università ta' Malta u l-MCAST, u mill-bidu tiegħu kien ħolqa importanti fil-viżjoni tas-Servizz Pubbliku biex dejjem jersaq lejn servizz ta' eċċellenza.

 

Is-sħubija strateġika mal-Università u l-MCAST trid tissarraf b'mod li l-korsijiet jieħdu l-bixra ta' dak li s-Servizz Pubbliku għandu bżonn, filwaqt li jitwessgħu aktar l-iskemi ta' taħriġ għall-istudenti fi ħdan is-Servizz Pubbliku biex l-esperjenza li l-istudenti jieħdu mis-Servizz Pubbliku jkunu jistgħu jgħaqqduha mal-istudju akkademiku tagħhom, qal is-Sur Cutajar.

 

Huwa semma wkoll il-fatt li l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi issa għandu prospectus ġdid u kompletament elettroniku. B'dan il-mod, l-istudent jista' jara l-imrewħa sħiħa ta' korsijiet u jagħżel minnhom skont kif jixtieq li jħejji ruħu għall-pass li jmiss fil-karriera tiegħu. Dan ifisser li l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi għandu funzjoni ta' żvilupp akkademiku imma wkoll personali, għax it-tagħlim li tirċievi persuna tibqa' ġġorru magħha kull fejn tmur.

 

Is-Sur Cutajar fakkar li l-Istitut jaħseb fl-uffiċjali pubbliċi kollha, minn dawk fl-ogħla karigi sa dawk fi gradi tekniċi u industrijali. Il-korsijiet għal dawn tal-aħħar huma mfassla skont il-ħtiġijiet tagħhom bl-għan li huma jtejbu ħiliethom, iħejju ruħhom għal karigi ogħla u, sa fejn ikun possibbli, jiksbu rikonoxximent tal-esperjenza li diġà għandhom.

 

Fi ftit snin biss, l-Istitut ħarreġ eluf ta' uffiċjali pubbliċi f'madwar 400 kors u s'issa wassal għall-gradwazzjoni ta' 1,160 uffiċjal. Illum, ma' dawn żdiedu 516 oħra, li ggradwaw f'diversi suġġetti fosthom il-Management Toolkit, ix-Xiri Pubbliku u l-Customer Care. Fis-sena akkademika li għaddiet biss ġew imħarrġa 6,189 student fi 366 kors differenti. Uħud mill-korsijiet saru online, hekk kif matul l-imxija tal-Covid-19 is-Servizz Pubbliku wera kemm hu flessibbli u kemm għandu ħila jadatta malajr għal ċirkostanzi li jinbidlu.

 

L-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi huwa eżempju mill-aqwa ta' kif persuna, jekk tassew trid tagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies, għandha tibni karriera fis-Servizz Pubbliku, temm jgħid is-Sur Cutajar.

 

F'diskors li għamel, ir-Rettur tal-Università l-Professur Alfred Vella qal li l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi hu proġett li ħadem, u l-Università bi pjaċir se tkompli għaddejja b'din il-kollaborazzjoni. Huwa semma korsijiet li qed jitfasslu speċifikament għall-ħtiġijiet tas-Servizz Pubbliku, fosthom BA u MBA.

 

Min-naħa tiegħu, il-Prinċipal tal-MCAST il-Professur Joachim James Calleja qal li minn meta twaqqaf l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi, twettqu żviluppi kbar u qed ikun hemm ħafna interess mill-uffiċjali pubbliċi fil-korsijiet offruti. Żied jgħid li l-investiment fin-nies huwa fundamentali, għax it-teknoloġija waħedha ma tagħtikx l-effiċjenza.​