Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201823

PR201823

25/09/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: L-Amministrazzjoni Pubblika tippubblika t-tweġiba tagħha għar-rapport tal-Awditur Ġenerali – jitwettqu 81% tar-rakkomandazzjonijiet

Għall-ħames sena konsekuttiva, l-Amministrazzjoni Pubblika ppubblikat it-tweġiba tagħha għar-rapport tal-Awditur Ġenerali, fejn laqgħet kważi 98% tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu. Din id-darba t-tweġiba ngħatat għar-Rapport Annwali li jkopri s-sena finanzjarja 2018 u rapporti oħra ppubblikati fl-2019. 

Il-pubblikazzjoni bit-tweġiba tal-Amministrazzjoni Pubblika ġiet imnedija mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet l-aħħar avveniment organizzat fil-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2020. 

Is-Sur Cutajar qal li  minn 172 rakkomandazzjoni li saru mill-Awditur Ġenerali, intlaqgħu 168 (98%) u li minnhom ħarġu 305 azzjonijiet x’jiġu indirizzati. Minn dawn it-305 azzjonijiet, ġew implimentati 81%. Din hija rata tajba ħafna anke meta mqabbla ma’ dik tas-sena li għaddiet, li kienet ta’ 78%.

Is-Servizz Pubbliku, qal is-Sur Cutajar, mhux mibni fuq in-nies, għax in-nies jinbidlu, iżda fuq l-istruttura, biex noffru permanenza f’dak kollu li naghmlu. F’dawn l-aħħar seba’ snin seħħet bidla fil-kultura dwar kif nippjanaw ħidmietna u kif inwettqu, u dan qed jagħti l-frott – kif jixhed it-tnaqqis ta’ 42% fl-ammont ta’ rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali jekk wieħed iqabbel l-ewwel pubblikazzjoni (meta kienu saru 300 rakkomandazzjoni) mal-pubblikazzjoni tal-lum (172 rakkomandazzjoni).

Is-Sur Cutajar spjega li r-rakkomandazzjonijiet li ġew milqugħa kienu jittrattaw, fost oħrajn, nuqqasijiet b’rabta ma’ kontrolli interni fl-amministrazzjoni ta’ fondi, nuqqasijiet relatati ma’ proċeduri tal-akkwist, u nuqqasijiet relatati ma’ ġestjoni tal-inventarju.

Din il-pubblikazzjoni, qal is-Segretarju Permanenti Ewlieni, għal darba oħra hija xhieda ta’ waħda mill-pilastri ta’ kwalità li fuqhom hu msejjes is-Servizz Pubbliku, jiġifieri l-kontabilità. Il-pubblikazzjoni turi wkoll li minkejja dak kollu li l-Amministrazzjoni Pubblika ħabbtet u għadha tħabbat wiċċha miegħu matul din is-sena minħabba l-pandemija tal-Covid-19, ma waqfitx mill-operat tagħha, anzi ssaħħet u ħadmet ukoll fuq ir-rakkomandazzjonijiet mgħoddija lilha mill-Awditur Ġenerali.

Is-Sur Cutajar semma li fir-rapport tiegħu, l-Awditur Ġenerali kellu kliem ta’ tifħir għall-isforz tal-Amministrazzjoni Pubblika u l-progress li sar s’issa, filwaqt li nnota eżempji ta’ prattiċi tajbin.

L-istess bħalma sar is-sena li għaddiet, il-pubblikazzjoni mnedija llum tagħti wkoll rendikont ta’ żewġ investigazzjonijiet, Performance Audit, IT Audit u Joint Audit li ġew ippubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika matul l-2019. Il-pubblikazzjoni tinkludi rapporti qosra dwar kull wieħed minn dawn l-eżerċizzji biex ikun spjegat x’azzjoni ttieħdet mid-dipartiment jew mill-entità kkonċernata.

Wara l-konferenza tal-aħbarijiet, is-Sur Cutajar żar lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia u lill-Awditur Ġenerali Charles Deguara, u ppreżentalhom kopja tal-pubblikazzjoni. Is-Sur Cutajar kien akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali Joyce Dimech kif ukoll mill-Kap (Implimentazzjoni ta’ Proġetti) fi ħdan l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni Carlos Tabone.