Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201844

PR201844

28/09/2020

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Is-Servizz Pubbliku impenjat biex jintlaħqu l-miri tal-iżvilupp sostenibbli

​Is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar qal li l-istatistika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar kif il-pajjiżi qed jilħqu l-miri tagħha għal żvilupp sostenibbli tixhed l-impenn kontinwu tal-gvern biex permezz tas-Servizz Pubbliku - l-id il-leminija tiegħu - jilħaq dawn il-miri. Fil-fatt, l-aħħar klassifika maħruġa min-Nazzjonijiet Uniti f'dan ir-rigward poġġiet lil Malta fit-32 post minn fost 166 pajjiż. Malta ġabet total ta' 76 punt minn 100.

 

Is-Sur Cutajar qal dan meta indirizza konferenza dwar ippjanar strateġiku u fit-tul ta' politiki, organizzata bħala parti mill-Ġimgħa Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli li għandha t-tema “Naħdmu Flimkien għal Futur Sostenibbli".

 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni spjega li r-riżorsi tal-pjaneta tagħna huma mislufa lilna biex jitgawdew ukoll minn ta' warajna. Il-miri għal żvilupp sostenibbli ma jitkellmux biss fuq ambjent. Id-direttorat li jieħu ħsieb dawn il-miri issa jinsab taħt il-kappa tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Dan sar biex ikun hemm aktar kordinazzjoni orizzontali mal-ministeri kollha.  

 

Għall-ewwel darba, is-sena li għaddiet sar eżerċizzju elaborat li wassal biex jiġu alinjati l-miżuri tal-Baġit 2020 mal-miri tal-iżvilupp sostenibbli mfassla min-Nazzjonijiet Uniti. Fil-Baġit 2020, kellna rekord ta' miżuri, u kull miżura konna nafu għal liema miri ser tikkontribwixxi. Tfassal ukoll pjan ta' azzjoni li jkompli jibni fuq it-twettiq ta' dawn il-miri.

 

Mill-eżerċizzju tal-alinjament, ġie identifikat liema kienu dawk il-miri li l-inqas kienu ser jintlaqtu jew li ma ntlaqtu xejn. Mhux biss, iżda tfasslu miżuri supplimentari għal dawk tal-Baġit biex jiġu indirizzati wkoll.

 

Is-Sur Cutajar qal li l-istatistika turi li Malta żammet riżultati tajbin ħafna fir-rigward tal-miri dwar l-eradikazzjoni tal-faqar, l-edukazzjoni, l-enerġija affordabbli u nadifa, kif ukoll ix-xogħol diċenti u t-tkabbir ekonomiku. Fl-istess waqt, nagħrfu li għandna fejn nimirħu aktar fejn jikkonċerna l-azzjoni dwar il-klima, kif ukoll il-konsum u produzzjoni responsabbli.

 

L-iżvilupp sostenibbli, kompla s-Sur Cutajar, imiss ma' kull qasam tal-ħidma governattiva u jseħħ permezz ta' governanza tajba u rieda politika. L-iżvilupp sostenibbli jista' jinkiseb biss jekk ikun hemm sforz kollettiv u azzjonijiet f'sinerġija mill-ministeri, id-dipartimenti u l-entitajiet kollha.

 

Sabiex tkun żgurata din is-sinerġija, tnieda sit elettroniku ġdid għall-iżvilupp sostenibbli, fejn wieħed jista' mhux biss jaċċessa l-aħħar aġġornamenti dwar dan il-qasam, iżda wkoll isegwi l-progress milħuq minn pajjiżna fir-rigward tal-indikaturi stabbiliti mill-Eurostat. Wieħed isib ukoll ġabra ta' strateġiji nazzjonali elenkati skont is-setturi. Dan jagħmilha aktar faċli għall-pubbliku biex iżomm ruħu aġġornat fuq politiki varji, kif ukoll għall-uffiċjali tal-gvern fit-tfassil ta' politiki ġodda sabiex nassiguraw ħidma konġunta, temm jgħid is-Segretarju Permanenti Ewlieni.