Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201845

PR201845

28/09/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR: Organizzat simpożju mill-Unjin tal-Gwidi Turistiċi dwar il-kwalità fis-servizzi tal-gwidi

​​

Il-Kwalità fis-Servizzi tal-Gwidi għall-Turiżmu ta' Kwalità kienet it-tema ta' simpożju organizzat b'mod virtwali mill-Unjin tal-Gwidi Turistiċi. Dan is-simpożju, li jiġi organizzat kull sena, kellu sinifikat speċjali, minħabba li din is-sena l-Unjin tal-Gwidi Turistiċi qed tfakkar l-40 sena mit-twaqqif tagħha.

 

Fetħet dan is-simpożju l-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, li tat rendikont tal-inizjattivi li l-Ministeru qed jaħdem fuqhom, fosthom ir-reviżjoni fil-qafas regolatorju biex dan ikun aġġornat sabiex jirrifletti l-iżviluppi fis-suq u fil-profil tat-turisti li jżuru Malta. Tkellmet ukoll fuq l-importanza dwar l-impatt tal-liġijiet Ewropej fuq il-liġijiet domestiċi, il-kontribut ekonomiku tas-settur fuq l-impatt ekonomiku qawwi li t-turiżmu jħalli fuq l-ekonomija Maltija u anke l-livell u l-istandards fit-taħriġ biex titjieb il-kwalità tas-serizzi tal-gwidi.

 

Il-Ministru semmiet ukoll li fix-xhur li ġejjin se jkunu introdotti standards ġodda flimkien mar-rekwiżit ta' liċenzja għall-oqsma ġodda ta' docent li jaħdmu fil-mużewijiet storiċi u kulturali, kif ukoll group leaders li jakkumpanjaw studenti li jżuru pajjiżna biex jitgħallmu l-lingwa Ingliża. Il-Ministru semmiet ukoll li se jkunu introdotti Kodiċi ta' Etika għall-Gwidi u kif ukoll se jiġi mwaqqaf Bord ta' Eżamijiet biex jivverifika l-kwalifiċi akkademiċi u l-kompetenza biex wieħed joffri s-servizzi ta' gwida turistika f'Malta, f'każ ta' applikanti għal-liċenzja tal-gwidi turistiċi. Dan wara ħidma u diskussjoni li saret mal-MUTG fix-xhur li għaddew.

 

Il-Ministru Farrugia Portelli rringrazzjat lill-gwidi tal-kontribut siewi li jagħtu lill-industrija tat-turiżmu fejn, bix-xogħol tagħhom, qed iservu ta' ambaxxaturi għal dak kollu li toffri Malta bħala destinazzjoni turistika. Il-Ministru Farrugia Portelli għarfet li l-industrija wkoll qed taffaċċja ċertu sfidi, u semmiet il-ħidma li għaddejja bejn il-Ministeru tagħha flimkien mal-Istitut tal-Istudji Turistiċi u l-Unjin tal-Gwidi Turistiċi stess, biex dawn l-isfidi jiġu megħluba u tkompli titjieb il-kwalità tas-servizz li diġà qed jingħata mill-gwidi turistiċi. Semmiet li fl-aħħar xhur il-gvern introduċa avviż legali ġdid, li permezz tiegħu studenti li qed isegwu kors ta' gwida jkollhom ukoll l-opportunità biex jiggwidaw, filwaqt li jkunu akkumpanjati minn gwidi turistiċi liċenzjati jew saħansitra mill-letturi ta' fejn ikunu qed isegwu l-kors.  

 

F'dan is-simpożju, ħadu sehem numru ta' kelliema Maltin u kif ukoll barranin, fosthom mill-Ingilterra u l-Greċja. Fl-interventi tagħhom, il-kelliema trattaw numru ta' temi differenti relatati mat-tema tal-kwalità.

 

F'isem l-Unjin tal-Gwidi Turistiċi, tkellmu Paul Spiteri u Glorianne Mizzi. Is-Sur Spiteri ffoka fuq l-aspett ekonomiku ta' gwida u wera s-sehem kwalitattiv u l-kontribut ekonomiku ta' gwidi turistiċi kwalifikati, u l-fatt li l-igwidar illegali jirriżulta f'telf ta' dħul kemm għall-istat kif ukoll għall-gwidi nfushom, barra li fl-istess ħin jikkawża tnaqqis fil-kwalità tal-prodott turistiku.

 

Glorianne Mizzi laqqgħet flimkien il-linji u ħsibijiet differenti tas-simpożju. Tkellmet ukoll fuq it-taħriġ tal-gwidi turistiċi, peress li hija stess tħarreġ u hi lettura ta' gwidar fl-Istitut tal-Istudji Turistiċi. Hija elaborat dwar id-diversi modi ta' kif tista' tiġi żgurata l-kwalità, kif ukoll il-prospetti fil-futur. Hija ħadet spunti dwar il-leġiżlazzjoni, it-taħriġ, l-infurzar ta' ksur tal-liġi, kif ukoll il-ħtieġa ta' iktar pubbliċità favur il-professjoni ta' gwida turistika u għadd oħra ta' kwistjonijiet. ​​