gov.mt

pr201850

PR201850

28/09/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR

Malta, flimkien ma' tmien pajjiżi oħra tal-UE, ressqet dikjarazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea sabiex ikun hemm iktar koordinament bejn l-istati membri biex titnaqqas l-inċertezza relatata mall-ivvjaġġar, u bil-mod nerġgħu nqajmu t-turiżmu fl-UE.  Dan bl-għan li, filwaqt li tiġi ssalvagwardjata s-saħħa pubblika, ma jittieħdux miżuri sproporzjonati li jxekklu l-ivvjaġġar fl-UE u ż-żona Schengen. Il-pajjiżi li ffirmaw din id-dikjarazzjoni huma Malta, l-Awstrija, l-Kroazja, Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Portugall, ir-Rumanija u Spanja.

 

Dan il-messaġġ kien ukoll wieħed mill-punti ewlenin li l-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qajmet waqt l-intervent tagħha fl-ewwel laqgħa virtwali inter-ministerjali bejn il-ministri Ewropej responsabbli mit-turiżmu, organizzata mill-Presidenza Ġermaniża. Din il-laqgħa informali tal-ministri kompliet tiddiskuti l-isfidi u l-implikazzjonijiet li qed tħalli l-COVID-19 fuq it-turiżmu u t-triq 'il quddiem, biex din l-industrija fundamentali għall-ekonomija Ewropea terġa' tqum fuq saqajha.

 

Il-Ministru Farrugia Portelli saħqet  ukoll dwar il-bżonn li jibdew id-diskussjonijiet biex tiġi emendata il-'Package Travel Directive', biex tindirizza l-isfidi li qed jiffaċċjaw kemm l-operaturi tal-ivvjaġġar u kemm il-konsumaturi fiċ-ċirkostanzi li nħolqu mill-pandemija COVID-19 u li qatt ma kienu previsti meta nkitbet din id-direttiva.  

 

It-tielet punt propost mill-Ministru Farrugia Portelli kien jittratta l-importanza li t-turiżmu jkun prijorità fil-pjanijiet ta' rkupru tal-Kummissjoni Ewropew. Dan jista' jsir bl-introduzzjoni ta' pjan Ewropew għat-turiżmu li jelenka b'mod ċar l-objettivi u jinkludi baġit speċifiku ddedikat lejn din l-industrija. Il-Ministru saħqet ukoll dwar l-importanza li jkun hemm estensjoni tal-flessibiltà fir-regoli tal-istate aid tul l-perjodu ta' rkupru.​