Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr201855

PR201855

29/09/2020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR F’Settembru se jkunu nġibdu f’Malta erba’ produzzjonijiet

The Seed huwa l-isem ta' produzzjoni li bħalissa qiegħda tinġibed f'żewġ lokalitajiet f'Malta: Ħal Għargħur u Fomm ir-Riħ. Fuq din il-produzzjoni se jkunu qegħdin jintefqu ftit inqas minn €2 miljun, filwaqt li nofs l-ammont se jintefaq f'Malta. Il-produzzjoni hija waħda tal- kumpanija Ingliża, Ingenious Group, b'kollaborazzjoni lokali. It-tema tal-produzzjoni hija deskritta bħala 'sci-fiction horror'.

 

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, flimkien mal-Kummissarju tal-Films Johann Grech, fil-jiem li għaddew żaru wieħed miż-żewġ siti fejn qed issir il-produzzjoni. Il-ministru u l-kummissarju ltaqgħu mal-produtturi u ma' wħud minn dawk li qegħdin jieħdu sehem fil-produzzjoni.

 

“Huwa ta' sodisfazzjon li Malta għal darb'oħra qiegħda tattira produzzjoni oħra ta' livell internazzjonali, produzzjoni li qiegħda tħalli f'pajjiżna madwar miljun ewro. Din il-produzzjoni hija tal-ġeneru 'sci-fiction', ġeneru li mhux normalment komuni li jiġi ffilmjat f'pajjiżna. Minkejja l-isfidi li laqtu l-industrija tal-films mondjali, Malta baqgħet tattira numru ta' produzzjonijiet ġodda, li jsaħħu r-reputazzjoni tagħna u jagħmluna aktar kompetittivi, grazzi wkoll għall-'cash rebates' attraenti li noffru," qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

 

Wieħed mill-produtturi, Matt Hookings, qal li l-ġbid tal-produzzjoni f'Malta huwa riżultat tal-esperjenza sabiħa u tajba li kellu is-sena li għaddiet meta huwa u t-tim tiegħu pproduċew hawnhekk ukoll il-film The Obscure Life of the Grand Duke of Corsica, produzzjoni li se toħroġ fi żmien qasir. “Wara dik l-esperjenza daqstant tajba kien jagħmel sens li nerġgħu niġu hawn fejn qegħdin nerġgħu nsibu għajnuna u koperazzjoni kbira min-naħa tal-Kummissjoni Maltija tal-Filma," qal Matt Hookings.

 

Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech qal li The Seed huwa r-raba' produzzjoni li qed tinħadem f'Malta matul Settembru. Fuq din il-produzzjoni hemm jaħdmu ftit inqas minn 80 ruħ, li aktar minn nofshom huma Maltin. “B'sodisfazzjon ngħid li komplejna nattiraw produzzjonijiet minn pajjiżi differenti u komplejna nsaħħu din l-industrija. Ninsabu ferm ottimisti li se nkomplu nattiraw lejn pajjiżna aktar produzzjonijiet", qal is-Sur Grech.​​