PR210639

03/04/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA U L-GOVERNANZA Il-Gvern ikompli jikkonsulta mal-Kummissjoni Venezja

Il-Gvern talab il-parir tal-Kummissjoni Venezja dwar l-emenda legiżlattiva li hi meħtieġa biex jissaħħah id-dritt ta' smigħ xieraq kif imħares taħt il-Kostituzzjoni ta' Malta, b'mod li jiġi konsonanti mad-dritt ta' smigħ xieraq kif imħares taħt il-Konvenzjoni Ewropeja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

 

Il-Gvern emmen li jkun għaqli li jitlob parir ta' din il-Kummissjoni li hi awtonoma u indipendenti mill-istituzzjonijiet u l-entitajiet f'pajjiżna.

 

Biex jilħaq dan il-għan fl-aħħar xhur il-Gvern ressaq żewġ proposti quddiem il-Parlament, dan kemm b'abbozz tal-liġi li jemenda l-Kostituzzjoni u kif ukoll b'abbozz li jemenda l-Att ta' Interpretazzjoni. L-għan ta' dawn l-abbozzi hu li jissaħħu l-awtoritajiet supervisorji u biex tissaħaħ ukoll il-garanzija li dawn jipprovdu dritt ta' smigħ xieraq fil-ħidma tagħhom. Dawn l-emendi tressqu bħala parti minn sensiela ta' bidliet li saru u qed isiru mill-amministrazzjoni mmexxija mill-Prim Ministru Robert Abela biex f'pajjiżna jissaħħu s-saltna tad-dritt u l-governanza.

 

Il-Gvern innota l-mod kif l-Oppożizzjoni ħarġet qatta bla ħabel kontra ż-żewg abbozzi ta' liġi u jemmen li jekk jiġri dak li qed tagħti x'tifhem li trid l-Oppożizzjoni, dan ikun qed jimmina l-effettività tal-awtoritajiet regolatorji ta' pajjiżna.

 

Kien għalhekk li l-Gvern spjega fil-Parlament l-għanijiet ta' din ir-riforma u ddikjara li mhux interessat jagħmel minnha xi kwistjoni politika partiġġjana. Il-Gvern wera u ddikjara li jinsab lest għal djalogu bil-għan li din ir-riforma legiżlattiva tkun introdotta bl-aktar mod effettiv.

 

Il-Gvern spjega kif fin-nuqqas ta' proposti alternattivi li huma xierqa, l-Oppożizzjoni tkun qed tirriskja li tipparalizza l-awtoritajiet supervisorji fil-ħidma tagħhom.

 

Kien f'dan is-spirtu ta' djalogu u rieda qawwija għal tisħiħ fis-saltna tad-dritt u l-buon governanza li ntalab dan il-parir mill-Kummissjoni Venezja. Il-Gvern mistenni jikkunsidra dan il-parir fl-għażliet li se jagħmel dwar din ir-riforma legiżlattiva.

 

Il-Gvern jilqa' b'sodisfazzjon li l-Kummissjoni Venezja fehmet l-importanza ta' din ir-riforma u saħansitra laqgħet l-istedina tal-Gvern biex tipprovdi opinjoni dwar is-suġġett. Il-Gvern jappella wkoll lill-Oppożizzjoni biex turi l-istess sens ta' rieda ġenwina biex ikun hemm soluzzjoni bil-għan li l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet supervisorji ta' pajjiżna jkomplu jissaħħu.

 

​