Iffirmat ftehim li se jwassal għal ġustizzja aktar effettiva
Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis u mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri, ġie ffirmat ftehim bejn il-Korp tal-Pulizija u l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali li ser iwassal għal koperazzjoni aktar effettiva bejn iż-żewġ entitajiet.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Edward Zammit Lewis spjega li dan il-ftehim ser jistabbilixxi tisħiħ fil-kollaborazzjoni bejn il-Korp tal-Pulizija u l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali sabiex iwassal biex id-drittijiet ta' persuni li qegħdin jiġu interrogati, arrestati jew miġjuba quddiem il-Qorti jkunu ssalvagwardati. Flimkien ma' dan ħa nkomplu nagħtu aktar riżorsi lil dawk in-nies li jisfaw vittma ta' reat kriminali. Ir-rappreżentanza legali tal-persuna, irrelevanti mill-mezzi li hija għandha, huwa massimu legali li huwa rifless f'dan il-ftehim.
Il-Ministru Zammit Lewis għalaq l-intervent tiegħu billi saħaq dwar l-importanza ta' dan il-ftehim ġaladarba se jkompli jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn żewġ oqsma fis-soċjetà tagħna – is-sigurtà nazzjonali u l-qasam tal-ġustizzja. Dawn għandhom l-irwol vitali li jassiguraw illi ċ-ċittadin qed jingħata l-għodda kollha neċessarja biex ikollu smigħ xieraq quddiem il-ġustizzja. B'hekk dan il-gvern ikompli juri li l-ħidma effettiva u effiċjenti tal-istituzzjonijet tagħna tibqà parti integrali mix-xogħol tal-Amministrazzjoni Abela.
Il-Ministru Byron Camilleri spjega li f'soċjetà moderna u demokratika kulħadd qed ikollu d-drittijiet tiegħu mħarsa u rispettati. “Il-Korp tal-Pulizija ma joperax waħdu fis-soċjetà, għalhekk f'dawn l-aħħar xhur ħabbarna sensiela ta' inizjattivi ma' diversi organizazzjonijiet li permezz tagħhom il-Korp seta' jaħdem aħjar", qal il-ministru. Huwa tenna li dan il-ftehim se jagħtina aktar għodda biex nassiguraw li tabilħaqq kulħadd ikollu aċċess sħiħ għall-ġustizzja, filwaqt li dan mhux ser inaqqas mis-servizzi li jingħataw lill-vittmi ta' kriminalità.