gov.mt

pr210694

PR210694

13/04/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA U L-GOVERNANZA Malta rnexxielha tiggarantixxi l-inklużjoni interkulturali, anke fi żmien il-pandemija

Matul laqgħa informali dwar il-politika ta’ integrazzjoni organizzata mill-Presidenza Portugiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis sostna li pandemija dinjija bħalma hi l-Covid-19 hija ta’ sfida għas-suq tax-xogħol, għall-integrazzjoni, kif ukoll għall-aċċess għall-ġustizzja.


Semma li minkejja li kienu u għadhom żminijiet ta’ sfida, Malta rnexxielha tibqa’ għaddejja b’inklużjoni interkulturali b’mod gradwali fejn jidħlu persuni barranin li jgħixu u jaħdmu fil-gzejjer Maltin, u dan minħabba l-miżuri li ħa pajjiżna biex jissalvagwardja l-impjiegi f’dan iż-żmien ta’ pandemija.

Il-Ministru Zammit Lewis tkellem dwar iż-żieda fil-popolazzjoni fil-gżejjer Maltin f’dawn l-aħħar tmien snin u kif din kibret bi kważi tnejn u għoxrin fil-mija. B’hekk, is-soċjetà tagħna nbidlet għal waħda kosmopolitana, saħaq il-Ministru. ‘Kważi wieħed minn kull ħames persuni f’Malta huwa barrani. Dan ifisser li s-servizzi li noffru, partikolarment fl-oqsma tas-saħħa, ix-xogħol u l-edukazzjoni, iridu jkunu xprunati biex ikomplu jwieżnu lis-soċjetà Maltija, inkluż din it-tnejn u għoxrin fil-mija tal-popolazzjoni tagħna.’

F’dan il-kuntest, il-Ministru ppropona tliet binarji li fuqhom għandhom jimxu l-istati membri tal-Unjoni Ewropea. Dawn jinkludu li persuni barranin u immigranti jkollhom aċċess għal servizzi bażiċi f’pajjiżna, inkluż f’dan iż-żmien ta’ pandemija, li l-miżuri ta’ għajnuna marbuta mal-Covid-19 ikunu aċċessibbli għal kulħadd, mingħajr ebda distinzjoni. U fl-aħħarnett, li jkun hemm flessibbiltà fis-servizzi, fost l-oħrajn fit-taħriġ lingwistiku u kulturali biex tkun assigurata parteċipazzjoni wiesgħa mill-barranin f’pajjiżna.

Fi tmiem il-laqgħa, il-Ministru Edward Zammit Lewis ikkonkluda li Malta tħares lejn l-inklużjoni interkulturali bħala investiment fis-soċjetà u fl-ekonomija tagħha.