Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210697

PR210697

13/04/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru jżur ċentru tal-vaċċinazzjoni fin-Naxxar

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne żaru ċentru ġdid ta’ vaċċinazzjoni li ngħaqad mal-lista ta’ għexieren ta’ postijiet minn fejn qed jingħata l-vaċċin tal-COVID-19 madwar Malta u Għawdex.  


Permezz tal-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru fin-Naxxar, il-Gvern qiegħed jirranka fir-rata ta’ tilqim mogħtija lill-pubbliku u b’hekk qiegħed imexxi l-pjan tal-vaċċinazzjoni ’l quddiem b’diversi ġimgħat. Fil-fatt, bħalissa qegħdin jirreġistraw għat-tilqima l-persuni ta’ ’l fuq minn 50 sena.  

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne rringrazzja lill-ħaddiema tal-FMS li qegħdin jagħmlu x-xogħlijiet neċessarji biex jiżdiedu ċ-ċentri ta’ vaċċinazzjoni madwar Malta u Għawdex. Appella lil kull min huwa intitolat bl-età għall-vaċċin sabiex japplika fuq vaccin.gov.mt jew permess tal-SMS. Huwa saħaq fuq l-importanza li kulħadd jieħu l-vaċċin sabiex ikollna nazzjon b’saħħtu. 

Filwaqt li seta’ jsegwi mill-viċin il-ħidma li qiegħda ssir minn wara l-kwinti fi-proċess tal-vaċċinazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela rringrazzja u sellem lil dawk kollha preżenti tal-ħidma tagħhom. 

Dr Abela wera wkoll l-apprezzament tiegħu lejn in-numru sabiħ ta’ studenti li fil-ħin liberu tagħhom qegħdin joffru s-servizz tagħhom f’dawn iċ-ċentri ta’ vaċċinazzjoni bil-għan li r-rata ta’ tilqim f’pajjiżna tkompli tkun fost l-aqwa waħda fid-dinja.