Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210717

PR210717

15/04/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR: MaltaAir tħabbar ħames rotot ġodda minn Malta lejn l-Italja u l-Greċja

​​

​MaltaAir introduċiet  ħames rotot ġodda minn Malta għal Brindisi, Cagliari, Genova u Trapani fl-Italja u Chania fil-Greċja. Dawn tal-aħħar ser ikunu qegħdin joperaw darbtejn fil-ġimgħa bħala parti mill-iskeda tas-sajf ġej. Apparti minn hekk, għall-istaġun tas-sajf li ġej RyanAir se jkollhom sitt ajruplani bbażati hawn Malta, 57 rotta u 155 titjira fil-ġimgħa.
 
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo f’konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-MaltaAir David O’Brien.
 
“Bħala gżira fil-qalba tal-Mediterran, huwa kruċjali għalina li nkomplu nsaħħu l-konnettività tal-ajru. Li d-dinja tat-turiżmu waqfet ħesrem u ġiet affettwata b’mod negattiv minħabba l-COVID-19 huwa fatt magħruf. Madankollu, Malta bdiet timxi fit-triq ta’ rkupru permezz ta’ pakketti finanzjarji mmirati lejn turisti barranin u s-settur tal-ospitalità lokali”, qal il-Ministru Clayton Bartolo.
 
Il-Ministru Clayton Bartolo tenna li l-fatt li l-ajruporti tagħna huwa mingħajr ebda attività hija ta’ weġgħa għal kulħadd speċjalment għan-nies li jaħdmu fis-settur tal-avjazzjoni u l-ospitalità li jinsabu ħerqana biex jerġgħu jibdew jaħdmu. 
 
“Nemmen li bdejna naraw xaqq ta’ tama. Il-Gvern Malti qed jipprepara biex jilqa’ l-ewwel turisti fl-ewwel jiem ta’ Ġunju b’mod gradwali u responsabbli. Nappella lill-pubbliku Malti biex jibqa’ ubbidjenti u viġilanti għall-miżuri maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika”, temm jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.
 
Il-Kap Eżekuttiv ta’ MaltaAir David O’Brien qal li hekk kif il-programm ta’ tilqim qiegħed jissokta ġmielu f’April u Mejju, it-traffiku tal-ajru huwa mistenni li jiżdied u huwa ta’ s-sodisfazzjon li jitħabbru dawn il-ħames rotot ġodda bħala parti mill-ikbar skeda tas-sajf li qatt kellha din il-linja tal-ajru f’pajjiżna. 
 
“Konxju mill-fatt li r-restrizzjonijiet tal-COVID-19 jinbidlu b’mod kontinwu, il-klijenti issa jistgħu jibbukkjaw titjiriet għas-sajf li ġej u jafu li jekk ikollhom bżonn jibdlu d-dati tal-ivvjaġġar tagħhom, jistgħu jagħmlu dan sa darbtejn mingħajr ħlas. Ryanair qed tniedi bejgħ ta’ postijiet b’nollijiet disponibbli minn €19.99 biss għall-ivvjaġġar sal-aħħar ta’ Ottubru 2021, li jridu jiġu bbukjati sa nofs il-lejl il-Ġimgħa, 16 ta’ April. Il-klijenti għandhom jidħlu fuq www.ryanair.com biex ma jitilfux din l-offerta attraenti”, saħaq David O’Brien.