Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210755

PR210755

21/04/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI U L-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR: Imniedi il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Mellieħa b’investiment ta’ €1.8 miljun

​Il-Ministri Ian Borg u Clayton Bartolo żaru l-lokalità tal-Mellieħa fejn ħabbru l-investiment ta’ €1.8 miljun fi proġett għar-riġenerazzjoni ta’ Misraħ il-Parroċċa, il-pjazza ewlenija tal-Mellieħa. Il-ħidma se ssir b’kollaborazzjoni bejn l-aġenzija Infrastructure Malta flimkien mal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur.


Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg qal li dan hu proġett ieħor li jkompli jikkonsolida u juri l-viżjoni ta’ gvern li jaħdem sabiex pajjiżna jkompli jiżviluppa infrastruttura tal-ogħla livell, għal kwalità ta’ ħajja aħjar. 

“Permezz ta’ dan l-investiment se nagħtu nifs ġdid lill-komunità tal-Mellieħa speċjalment lil dawk li jagħmlu użu minn din il-pjazza permezz ta’ ħidma għal aktar aċċessibbiltà u dehra li hi estetikament isbaħ. Però mhux biss, konxji tal-fatt li l-pjazez huma l-qalba tal-komunità fejn isiru bosta attivitajiet li jkomplu jgħaqqdu aktar lin-nies tal-komunità flimkien, bħal ngħidu aħna l-festi, u permezz ta’ proġetti bħal dawn se nkomplu noffru kemm ambjent aħjar kif ukoll aktar aċċessibbli sabiex dawn l-attivitajiet ikunu jistgħu ikomplu isiru bl-aktar mod sikur.”, qal il-Ministru Ian Borg.

F’kelmtejn tal-okkażjoni l-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo saħaq li l-bidla ewlenija tal-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Mellieħa ser tkun il-qalba mit-tarmac eżistenti, għal pavimentar li ser iżied bil-kbir il-valur kulturali u soċjali tal-Mellieħa. 

“Permezz ta’ dan il-proġett ser ngħaqqdu l-Knisja Parrokjali u s-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa flimkien ma’ attrazzjonijiet oħrajn bħal Madonna tal-Għar u x-xelter tat-Tieni Gwerra Dinija bħala hub turistiku wieħed fiċ-ċentru tal-Mellieħa. Dan l-investiment fl-infrastruttura huwa importanti hekk kif jimxi id f’id mal-viżjoni tagħna li nattiraw lejn pajjiżna niċċa turistika ġdida dik tal-faith tourism,” kompla jgħid il-Ministru Clayton Bartolo. 

Finalment, il-Ministru Clayton Bartolo semma kif dan il-proġett ser ikompli jgħolli l-prodott turisitiku fit-tramuntana tal-pajjiż. 

Bħalissa għaddej il-proċess tas-sejħiet għall-offerti dwar ix-xogħol.

L-aġenzija Infrastructure Malta wettqet ukoll xogħol ieħor fl-inħawi tal-Mellieħa fosthom il-bini mill-ġdid ta’ parti minn Triq il-Mellieħa, li tgħaqqad il-Manikata mal-Mellieħa kif ukoll bħalissa għaddej il-bini mill-ġdid tal-aħħar fażi ta’ Triq il-Marfa, it-triq ewlenija lejn il-Bajja tal-Għadira.


​​