Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210773

PR210773

23/04/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Jitħabbru inċentivi għat-turiżmu sportiv u d-diving bħala parti mill-pjan ta’ rkupru għat-turiżmu

Għat-tielet ġimgħa konsekuttiva bħala parti mill-pjan ta' rkupru għat-turiżmu,  il-gvern nieda iżjed inċentivi, din id-darba għan-niċeċ tad-diving u t-turiżmu sportiv. 

 

Dan tħabbar f'konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo flimkien maċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia. 

 

Il-Ministru Clayton Bartolo ħabbar skema ta' €750,000 immirata sabiex tattira turisti li jiġu f'pajjiżna għad-diving. 

 

“Permezz ta' din l-iskema, se nkunu qegħdin nagħtu €100 voucher għal kull turist barrani li għandu l-intenzjoni li jiġi Malta biex jipprattika dan il-passatemp. Dan l-istess vawċer irid jintefaq fid-diving centres ta' madwar Malta u Għawdex ," kompla jgħid il-Ministru Clayton Bartolo. 

 

Il-Ministru semma wkoll kif turist se jkun jista' japplika permezz ta' google form fuq il-website www.visitmalta.com, fejn fost l-oħrajn irid jippreżenta anke koppja tal-biljetti tal-ajru. 


Ġaladarba l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tagħmel il-verifiki tagħha hija tibgħat dan il-vawċer lit-turist permezz ta' email. 

 

“L-effett inġenerali li mistennija tħalli skema ta' din l-għamla fuq l-ekonomija Maltija huwa ta' €12,000,000, b'€3,000,000 minnhom fil-gżira Għawdxija. Wieħed mill-preġji naturali tagħna huwa l-baħar, għalhekk huwa importanti li nieħdu opportunità biex nattiraw lejn Malta din in-niċċa turistika," saħaq il-Ministru Clayton Bartolo. 

 

It-tieni skema b'baġit ta' €1,500,000 hija dedikata għat-turiżmu sportiv, li permezz tagħha kull organizzatur se jkun qiegħed jibbenefika minn €100 għal kull atleta li jiġi f'Malta jew Għawdex. 

 

Din l-iskema se tibda tapplika minn Lulju 2021 u d-dixxiplini sportivi li se jibbenefikaw huma dawk kollha li huma akkreditati minn SportsMalta. 

 

“It-turiżmu sportiv ma jfissirx biss is-sabiħ tal-isports innifsu imma huwa sinonimu ma' turiżmu sostenibbli, parteċipattiv u b'mod sinifikattiv jegħleb l-istaġjonalità tas-settur," tenna l-Ministru Clayton Bartolo.

 

Finalment, f'kelmtejn tal-okkażjoni ċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia saħaq li l-MTA tibqa' kommessa li tagħti importanza xierqa lil turiżmu speċjalizzat li jmur lil hinn mill-elementi li ġeneralment jattiraw lit-turisti independenti matul is-sena kollha.  ​

​​​