Pr210793

28/04/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Imsaħħa l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tal-forzi dixxiplinati


Milħuq ukoll ftehim mal-ħaddiema tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi 


 

Il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema kollha fil-forzi dixxiplinati kienu msaħħa bi ftehimiet kollettivi storiċi milħuqa mal-unjins li jirrappreżentaw lill-ħaddiema tal-forzi dixxiplinati. 

 

F'laqgħa ma' ħaddiema mill-Korp tal-Pulizija, il-Forzi Armati ta' Malta, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, il-Prim Ministru Robert Abela spjega li tul l-aħħar xhur kienet ta' prijorità għall-gvern li jagħlaq ftehimiet kollettivi li ma kinux jeżistu qabel. Tħabbar ukoll li ntlaħaq ftehim mal-ħaddiema għas-servizzi korrettivi. Tlieta mill-erba' ftehimiet kollettivi se jkunu ngħalqu waqt pandemija.

 

“Ftehim wara ftehim wasalna. Meta l-kundizzjonijiet ikunu tħallew jaqgħu lura tant snin, in-negozjati xi kultant isiru iktar diffiċli. Imma għax kien hemm ir-rieda għelibna kull ostaklu," spjega l-Prim Ministru Robert Abela. 

 

Hemm erba' prinċipji li issa, la fi ftit jiem jiffirmaw il-ftehim l-uffiċjali korrettivi, se jkunu għand il-ħaddiema kollha tal-forzi dixxiplinati. Dawn huma d-dritt ta' sħubija f'unjin, 25 sena servizz li ma kienx għand il-ħaddiema tal-forzi dixxiplinati kollha, il-prinċipju ta' ġimgħa ta' erbgħin siegħa xogħol u l-assigurazzjoni f'każ ta' inċident fuq il-post tax-xogħol.

 

“Hekk tajna lill-forzi dixxiplinati kollha d-drittijiet ġodda li jixirqulhom, li għal snin twal ma kellkomx," iddikjara l-Prim Ministru Abela.

 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li l-ftehim kollettiv li ġie ffirmat mal-uffiċjali tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin huwa parti minn ċiklu sħiħ bi ħsieb warajh. Dan se jkun l-ewwel Jum il-Ħaddiem fl-istorja fejn il-ħaddiema kollha se jkunu milqugħa u ċċelebrati.  

 

L-uffiċjali kollha tal-forzi dixxiplinati issa qed jiġu rikonoxxuti daqs kull ħaddiem ieħor fejn ingħatawlhom id-drittijiet kollha. Dan jinkludi d-dritt li jinnegozjaw huma stess ir-relazzjoni ma' min iħaddimhom. Dan biex niffukaw fuq in-nies bla eċċezzjoni ta' xejn.  

 

Il-Kap tas-Servizz Pubbliku awgura lill-ħaddiema kollha tal-forzi dixxiplinati doppjament. L-ewwel għax tejbu l-kundizzjonijiet ta' xogħolhom b'ħilithom stess u t-tieni għax ħadu d-dinjità sħiħa li jixirqilhom.

 

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega li dan il-pass se jara madwar 5,000 ħaddiem igawdu minn titjib sostanzjali fil-kundizzjonijiet tagħhom. Kull ftehim kollettiv huwa l-ewwel tax-xorta tiegħu għaliex il-ħaddiema kienu rappreżentanti mill-unjin tal-għażla tagħhom wara li l-gvern ta dan id-dritt lill-membri tal-forzi dixxiplinati. 

 

Huwa sostna li bil-ftehim mal-gwardjani tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin, il-gvern qed juri li lill-ħaddiema ma jirringrazzjahomx bil-kliem biss. “Dan il-ftehim jagħti valur u rispett ikbar lix-xogħol li jagħmlu l-forzi tal-ordni mhux biss bil-kliem imma bil-fatti. Kburi li waqt pandemija bħala pajjiż ma morniex għall-awsterità u minflok ġejna hawn biex nagħtu aktar lill-ħaddiema tagħna," qal il-Ministru Camilleri.​