Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210795

Pr210795

28/04/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA U L-GOVERNANZA Insaħħu lill-Ħaddiem: “Il-ħaddiema kollha tal-Qorti huma essenzjali fl-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja” – il-Ministru Edward Zammit Lewis


Il-Ministru Edward Zammit Lewis iltaqa' mal-ħaddiema u mal-ġudikanti tal-Qrati ta' Malta. Din kienet l-ewwel żjara li l-ministru kellu ma' Eunice Grech Fiorini, li ser tidħol fil-kariga ta' kap eżekuttiv tal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qorti b'effett minn Mejju 2021. 

 

Fiż-żjara tiegħu, il-ministru rrimarka li l-ħidma fil-qrati tagħna waqt il-pandemija baqgħet għaddejja. L-għan prinċipali, anke waqt il-pandemija, baqa' l-aċċess għas-sistema tal-ġustizzja. F'pajjiżna, il-Qorti baqgħet miftuħa, dejjem b'rispett lejn il-ħaddiema tal-qorti, il-ġudikanti, iċ-ċittadini li jużaw is-servizz u l-professjonisti legali. It-teknoloġija għenet ukoll sabiex jiġi ggarantit aċċess għall-ġustizzja permezz ta' proċess ta' diġitalizzazzjoni sħiħa tal-awli tal-Qorti. Ġew implimentati metodi ġodda ta' kif fost l-oħrajn, jinstemgħu l-kawżi u kif iddaħħlu l-atti ġudizzjari tal-Qorti online. Issaħħu wkoll is-servizzi tal-għajnuna legali li tiżgura li kull ċittadin lil hinn mill-mezzi finanzjarji tiegħu jkollu aċċess għal rappreżentanza denja fil-qrati tal-ġustizzja.

 

Il-Ministru Zammit Lewis qal li din hija l-ewwel żjara uffiċjali tiegħu mal-kap eżekuttiv il-ġdid,  u l-fatt li dan l-irwol importanti fl-Aġenzija tal-Qrati ser ikun okkupat mis-Sinjura Grech Fiorini, “Ikompli jikkonferma kemm dan il-gvern jemmen fl-ugwaljanza u li l-mara għandha tkun fil-quċċata tat-teħid tad-deċiżjonijiet fi kwalunkwe sfera tal-ħajja." Irrimarka li fil-ġudikatura u fl-amministrazzjoni hemm rappreżentanza ugwali tas-sessi.

 

Is-Sinjura Eunice Grech Fiorini qalet, “Huwa ta' unur u pjaċir għalija li wara 22 sena li ili naħdem ġewwa l-edifiċju tal-Qorti, fejn okkupajt diversi karigi, issa bħala kap eżekuttiv se nkun qed namministra l-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati. Filwaqt li nirringrazzja lill-predeċessur tiegħi, inħares 'il quddiem biex flimkien mal-impjegati kollha fi ħdan l-aġenzija nkomplu nsaħħu s-servizzi tagħna sabiex inkomplu noffru servizzi effiċjenti u ta' kwalità  fosthom billi nkomplu ninvestu fil-qasam tat-teknoloġija, insaħħu r-riżorsi umani speċjalment fil-qasam rigward direttivi u regolamenti tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll insaħħu r-relazzjonijiet pubbliċi. Kif forsi wieħed jaf, l-amministrazzjoni tal-qrati tirrikjedi ħafna xogħol li ħafna drabi ma jkunx jidher però nemmen li b'impenn, b'inċentiv u b'investiment minn kulħadd inkomplu negħlbu l-isfidi biex b'hekk f'dan l-ambjent delikat inkomplu nipprovdu servizzi ta' kwalità kif jixraqlu l-poplu kollu Malti u Għawdxi."

 

Il-ministru kkonkluda li fil-mument tal-prova fejn Malta u l-kumplament tad-dinja qed jaffaċċjaw pandemija, il-ħaddiem Malti sab gvern li jappoġġah. Dan fid-dawl li nhar is-Sibt l-1 ta' Mejju niċċelebraw Jum il-Ħaddiem. F'dan il-jum wieħed ifakkar il-progress li pajjiżna għamel matul iż-żminijiet f'diversi oqsma, fosthom fil-qasam tal-ugwaljanza.

 

Il-Ministru Zammit Lewis sostna li huwa kommess li flimkien mal-gvern ikompli jaħdem għal aktar ugwaljanza u effiċjenza fil-qrati tal-ġustizzja.​