Għalkemm l-industrija tat-turiżmu mistennija taqbad it-triq ta' rkupru mill-1 ta' Ġunju li ġej, il-gvern ħabbar li ser jikkanċella l-ħlasijiet ta' liċenzji u ta' kontribuzzjonijiet pagabbli lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li jkopru l-perjodu ta' bejn Jannar u Diċembru ta' din is-sena.
Is-setturi differenti li ser jibbenefikaw minn din il-miżura huma lukandi, guesthouses, hostels, HFPs, host families, ristoranti, bars, aġenti tal-ivvjaġġar, tourist village, diving, snack bars, take-away, kiosks, watersports, nightclubs, pleasure boats, self-drive, self-drive motorcycle, coaches, minibuses, taxis, garage hire, hotel outlets, ħwienet tas-souvenirs, timeshare kif ukoll skejjel tal-Ingliż.
Din il-miżura mistennija tħalli fil-bwiet ta' madwar 10,000 negozju liċenzjat mill-MTA 'l fuq minn €4,000,000.
Dan tħabbar f'konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo u miċ-Ċermen tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia.
Il-Ministru Clayton Bartolo saħaq li l-ikkanċellar ta' dawn il-liċenzji u l-kontribuzzjonijiet imur lil hinn mill-inċentivi li qegħdin jitħabbru ġimgħa wara ġimgħa bħala parti mill-pjan ta' rkupru għat-turiżmu.
“Dan il-gvern qiegħed jassigura li l-industrija lokali terġa' tqum fuq saqajha qabel jibdew jaslu l-ewwel turisti fil-bidu ta' Ġunju li ġej," irrimarka l-Ministru Clayton Bartolo.
Żied jgħid li fl-okkażjoni ta' Jum il-Ħaddiem, Malta tista' tiftaħar li fil-mument tal-prova poġġiet ix-xogħol tal-ħaddiema bħala prijorità, billi għenet lill-intrapriżi u lin-negozji.
Intant, f'kelmtejn tal-okkażjoni, iċ-Ċermen tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia qal li jekk qatt kien hemm mument fejn hemm ħtieġa li jiġu megħjuna l-ħaddiema kien proprju f'dawn l-aħħar 13-il xahar fejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu rat kif jiġu offruti diversi skemi ta' għajnuna għal bosta setturi fost l-aktar milquta mill-pandemija.