Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210809

PR210809

30/04/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Insaħħu lill-Ħaddiem: Roħs fil-prezz ta’ 42 mediċina oħra


L-Awtorità tal-Mediċini se traħħas 42 mediċina li huma disponibbli fis-suq lokali u li jkopru kundizzjonijiet bħal pressjoni għolja, kolesterol, mard tal-qalb, antibijotiċi, anzjetà, kundizzjonijiet newroloġiċi u osteoporożi. Dan filwaqt li 29 mediċina ġenerika ta’ kwalità konformi mar-regolamenti Ewropej ġiet introdotta fis-suq Malti bi prezz orħos li jlaħħaq is-73% mill-prezz ta’ mediċini alternattivi li diġà jinsabu fis-suq Malti.
 
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo u mis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista.
 
Il-Ministru Clayton Bartolo qal li l-aċċessibbiltà tal-mediċini hija sfida kontinwa li tirrikjedi sforz kollettiv u koperazzjoni sħiħa bejn l-istakeholders kollha. 
 
“F’pajjiżna għandna Awtorità tal-Mediċini li tħares b’mod proattiv lejn kif il-konsumaturi jista’ jkollhom mediċini aktar aċċessibbli bi prezzijiet ġusti u għażla wiesgħa ta’ trattamenti kemm fis-settur pubbliku u dak privat,” żied il-Ministru Clayton Bartolo. 
 
Saħaq kif dan ir-roħs huwa turija ċara ta’ kemm dan il-gvern qed jipproteġi s-saħħa tal-poplu kollu. 
 
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista spjega li l-aċċess għal mediċini affordabbli huwa fundamentali għas-saħħa pubblika u għat-tkabbir ekonomiku. 
 
“Din id-darba tħabbar l-akbar ammont ta’ roħs ta’ mediċini minkejja l-pandemija u l-isfidi ta’ Brexit,” iddikjara s-Segretarju Parlamentari Deo Debattista. 
 
Huwa żied jgħid li ġew introdotti mediċini ġeneriċi li huma effettivi u tal-istess kwalità. 
 
Is-segretarju parlamentari kkonkluda li dan huwa xhieda ta’ kemm għall-gvern preżenti, is-saħħa tal-poplu hija prijorità filwaqt li se tissokta l-ħidma sabiex verament dan il-gvern issaħħaħ lill-ħaddiem.