gov.mt

pr212158

PR212158

02/12/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Varata l-Istrateġija Maltija għat-Turiżmu għall-għaxar snin li ġejjin


Wara 11-il xahar ta' konsultazzjoni pubblika mas-setturi kollha involuti fl-ospitalità u t-turiżmu, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu nediet l-Istrategija Maltija għat-Turiżmu sal-2030.

 

Bit-tema' ta' Recover.Rethink.Revitalise, din l-istrateġija se tkun maqsuma fi 22 strateġija oħra mmirati li, permezz ta' pjan fit-tul, jilħqu 125 għan. Dawn l-għanijiet għandhom jiriflettu f'245 azzjoni biex it-turiżmu Malti jirkupra u jkun sostenibbli.

 

Din l-istrateġija se tkun ibbażata fuq il-prinċipji tal-kwalità, is-sostenibbiltà, l-esperjenza turistika, l-effiċjenza fil-konnettività, l-immaniġġjar fl-iżvilupp tal-akkomodazzjoni, l-isfidi marbutin mar-riżors uman, il-branding, id-diġitalizazzjoni, u b'mod sinifikanti, l-inklużjoni ta' Għawdex bħala destinazzjoni distinta.

 

Biex tiġi assigurata l-implimentazzjoni ta' dan id-dokument se jkun qiegħed jitwaqqaf il-Malta Tourism Observatory magħmul minn rappreżentanti ġejjin mill-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

 

Dawn id-dettalji tħabbru f'konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo fil-preżenza taċ-Chairperson tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia u d-Deputat Chairperson Leslie Vella.

 

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo qal li diversi aspetti tal-istrateġija diġa bdew jitwettqu permezz tal-pjan ta' rkupru li ġie mniedi f'Marzu ta' din is-sena.

 

“Kronoloġikament, l-għan tagħna se jkun li fl-iqsar żmien possibbli nattiraw il-volumi meħtieġa biex l-attività turistika terġa' tinġieb għal livelli aċċettabbli f'termini ta' operat u profittabbiltà. Madankollu, waqt l-irkupru se naraw li jinbeda proċess ta' ħsieb bl-għan li l-prodott turistiku tagħna jisaħħaħ u jimraħ lejn orizzonti ġodda għall-għaxar snin li ġejjin", saħaq il-Ministru Clayton Bartolo. 

 

Huwa żied jgħid li din l-istrateġija se tkun kuntratt ma' poplu li dejjem ħares lejn l-ospitalità bħala aspett profond tal-kultura Maltija.

 

“Il-viżjoni tagħna hija li Malta tkun ċentru ta' eċċellenza turistika. Din hija mira ambizzjuża, iżda ma għandniex dubju li flimkien kapaċi nagħmluha realta", temm jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.

 

Min-naħa tiegħu ċ-Chairperson tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia qal li dak li nbeda f'Jannar li għadda wassalna għal dan il-jum tant importanti f'mument kruċjali, fejn issa din l-istrateġija qiegħda tiġi imnedija fl-intier tagħha.

 

“Din hija strateġija ħolistika, li tiġbor fiha diversi aspetti varji tas-settur turistiku Malti, numru ta' niċeċ li jiffurmaw parti minn dan is-settur, imma fuq kollox għandha twassal lil dan is-settur għal fejn nixtiquh aħna, mnebbaħ mit-tlett pilastri ta' Recover.Rethink. Revitalise.", temm jgħid Gavin Gulia.

 

Intant, id-Deputat Chairperson tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Leslie Vella qal li l-pandemija ħarġet fid-deher l-importanza li jġorr miegħu t-turiżmu fl-ekonomija Maltija. ​