Waqt business breakfast organizzat minn Servizzi Ewropej f'Malta (SEM), li għalih attendew rappreżentanti tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili f'Malta, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela ġie ppreżentat b'rapport ta' proġett dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali f'Malta, imwettaq minn SEM. Il-proġett kien appoġġat minn fondi li ngħataw taħt il-fondi Norveġiżi permezz tal-programm 'Djalogu Soċjali – Xogħol Diċenti'.
Ir-rapport jinkludi l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu minn studju komparattiv tal-mudelli tad-djalogu soċjali fin-Norveġja u f'Malta, wara li saru numru ta' intervisti mal-imsieħba soċjali membri tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD).
Il-Ministru Carmelo Abela, repsonsabbli mid-djalogu soċjali, tkellem dwar kif id-djalogu soċjali f'pajjiżna diġà huwa wieħed b'saħħtu u li jiffunzjona b'mod tajjeb. Il-ministru – b'referenza għal dan l-istudju li sar dwar il-mudell tad-djalogu soċjali kif nafuh f'pajjiżna, li ilu madwar 30 sena jiffunzjona, u dak li jintuża fin-Norveġja, li ilu aktar minn 100 sena jiffunzjona – qal li qied tingħata opportunità biex, fiż-żmien opportun, jiġi eżaminat id-djalogu soċjali f'Malta, ħalli b'hekk ikompli jissaħħaħ. Dan wara li diġà sar titjib fil-mod kif jaħdem l-MCESD permezz ta' working groups speċjalizzati fuq temi attwali u bl-għajnuna ta' esperti u bis-sehem sħiħ tal-imsieħba soċjali. Sar ukoll titjib leġiżlattiv fil-mod kif taħdem l-aġenzija SEM, inkluż fil-qasam tad-djalogu soċjali.
Il-Ministru Carmelo Abela kompla jispjega li d-djalogu soċjali f'pajjiżna huwa effettiv, kemm fil-livell formali u f'dak informali. Huwa qal li l-ħidma ta' dan il-gvern tara li l-imsieħba soċjali jkunu involuti b'mod sħiħ fid-diskussjonijiet li jkunu qed isiru fil-pajjiż. Il-ministru semma kif f'pajjiżna għandna numru ta' fora fejn id-djalogu soċjali formali jkun qed isir. Minbarra l-MCESD, Servizzi Ewropej f'Malta wkoll għandha sehem billi tieħu ħsieb l-aspett konsultattiv fuq livell Ewropew fejn għandhom x'jaqsmu proposti leġiżlattivi u direttivi, kif ukoll politiki li jkunu ġejjin mill-Kummissjoni Ewropea. F'Malta nsibu wkoll l-Employment Relations Board li għandu funzjoni speċifika relatata mal-qasam tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. F'numru ta' entitajiet governattivi nsibu wkoll ir-rappreżentanza tal-imsieħba soċjali, bħal fil-każ ta' JobsPlus, l-OHSA u l-NSO.
Il-ministru spjega li d-djalogu soċjali għandu funzjoni anke fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea. Dan minħabba l-fatt li bosta sħab soċjali għandhom rappreżentanza f'kumitati fl-UE u allura hemm jistgħu jinfluwenzaw ċertu deċiżjonijiet favur pajjiżna. Hawn, il-ħidma ta' SEM tispikka biex tieħu ħsieb diskussjonijiet u tmexxi konsultazzjonijiet flimkien ma' ministeri oħrajn, relatati ma' proposti li jkunu ġejjin mill-Kummissjoni Ewropea.
Fil-konklużjoni tiegħu l-ministru qal li fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet li ħarġu minn dan ir-rapport, irridu nħarsu lejn dak li jeżisti llum biex intejbuh, bl-għan li nipprovdu djalogu ta' kwalità, u li l-frott tad-diskussjonijiet tad-djalogu soċjali fil-livelli kollha dejjem ikun ta' benefiċċju akbar għall-pajjiż.
Il-Kap Eżekuttiv ta' SEM Mandy Falzon tkellmet dwar is-sehem tal-Aġenzija SEM fit-tisħiħ tad-djalogu soċjali f'Malta. Hija qalet li SEM hija waħda mill-aktar entitajiet governattivi li għandha bħala funzjoni prinċipali t-tixrid tal-informazzjoni dwar dak kollu li għandu x'jaqsam mal-UE. Il-Kap Eżekuttiv spjegat li SEM tara li jsiru diskussjonijiet fuq diversi livelli dwar kif proposti ta' leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea jaffettwaw l-interessi tal-korpi kostitwiti Maltin, tal-imsieħba soċjali, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u tal-entitajiet pubbliċi u privati, biex jifhmu aħjar kif jolqtuhom proposti leġiżlattivi tal-UE. B'hekk huma jkunu jistgħu jagħtu r-reazzjonijiet tagħhom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-Unjoni Ewropea.
Fost il-punti li semma, Lawrence Zammit mill-MISCO Consulting, waqt li kien qed jagħti preżentazzjoni dwar il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mir-rapport, qal li hemm bżonn li jkun hemm aktar diskussjoni dwar suġġetti li jħarsu lejn il-futur ta' pajjiżna. Dan ifisser li d-djalogu soċjali f'Malta għandu jieħu xejra aktar proattiva. Is-Sur Zammit irrakkomanda li d-djalogu soċjali f'Malta jiffoka aktar fuq ir-riżultati li jrid jilħaq, u jiffoka anqas fuq id-diskussjoni li ssir, biex ikun hemm djalogu soċjali effettiv.