gov.mt

pr212183

PR212183

07/12/2021

STQARRIJA MILL-MINISTRU FL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU: Tkompli d-diskussjoni fil-Kunsill tal-EPSCO dwar id-direttiva tal-paga minima u t-trasparenza fil-ħlas




Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela pparteċipa f’laqgħa tal-Kunsill għall-Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO), fi Brussell. F’din il-laqgħa ġew diskussi numru ta’ temi fosthom id-direttiva dwar il-paga minima u d-direttiva dwar it-trasparenza fil-ħlas.

Fl-intervent tiegħu dwar il-paga minima, il-Ministru Carmelo Abela qal li Malta dejjem sostniet li l-ħaddiema għandhom ikollhom paga xierqa u diċenti. Il-Ministru kompla jgħid li Malta dejjem tat l-appoġġ tagħha għall-oġġettiv ta’ din id-direttiva, liema direttiva tippromwovi wkoll il-collective bargaining li jwassal biex ikun hemm titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. 

Il-Ministru Abela, responsabbli wkoll mid-djalogu soċjali f’pajjiżna, saħaq kif id-djalogu soċjali qed jiffunzjona tajjeb bejn is-sħab soċjali, u li sar parti mit-tessut soċjali tal-pajjiż. “Malta qed taħdem b’mod kontinwu ħalli nassiguraw suq tax-xogħol inklussiv, filwaqt li ntejbu l-oqsma ekonomiċi u soċjali”, sostna l-Ministru.

Waqt il-laqgħa, il-Ministru Abela wera l-apprezzament tiegħu li ċertu sforz mill-Presidenza wassal biex fid-Direttiva saru emendi li tqajjmu mill-istati membri, fosthom minn Malta. Dan il-kompromess milħuq jista’ jwassal biex din id-Direttiva tgħaddi għall-fażi li jmiss. Għal dan il-għan, huwa awgura li l-Presidenza li jmiss jimxu fuq dak maqbul ħalli l-appoġġ jibqa’ wieħed b’saħħtu għal din id-direttiva. 

Waqt il-laqgħa tal-Kunsill ġie diskuss ukoll it-trasparenza fil-ħlas, u t-tnaqqis fil-gender pay gap, kif ukoll il-promozzjoni tal-equal pay for equal work bħala prinċipji.

Il-Ministru stqarr li “L-ugwaljanza dwar il-ġeneri tinsab fuq nett tal-aġenda tal-Gvern Malti.” Għaldaqstant, Malta tilqa’ dawn l-inizjattivi minn naħa tal-Kummissjoni li jkomplu jippromwovu u jindirizzaw l-ugwaljanza tal-ġeneri madwar l-UE, fejn Malta tirringrazzja lill-Presidenzi għax-xogħol tagħhom sabiex jinħoloq kompromess f’din id-direttiva wkoll. Għaldaqstant, il-Ministru qal li: “Nilqgħu bi pjaċir salvagwardji li jnaqqsu l-piż minn fuq il-kumpaniji żgħar u mikro, filwaqt li xorta nassiguraw li jittieħdu ċertu miżuri biex jintlaħaq l-iskop tad-direttiva li qed tiġi proposta.” 

Finalment, fid-dibattitu dwar ‘Lejn Ewropa tal-Ugwaljanza”, il-Ministru Abela sostna li minkejja li dan is-suġġett ilu fuq l-aġenda Ewropea għal bosta snin, madanakollu f’kull pajjiż membru tal-UE għadhom jeżistu l-isfidi. Għalhekk, il-Ministru saħaq li “kull pajjiż għandu jieħu miżuri biex nisa, f’kull età u minn kull qasam tal-ħajja, jiġu mħeġġa jipparteċipaw fl-edukazzjoni u t-taħriġ, u li jekk ikunu jixtiequ jidħlu u jibqgħu fid-dinja tax-xogħol.” Huwa spjega kif dan jista’ jsir b’numru ta’ miżuri li jippromwovu l-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-familja; u li b’effett ta’ dawn il-miżuri u oħrajn, l-inugwaljanzi fil-pagi, jonqsu. 

Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Ministru Abela rrimarka li matul dawn l-aħħar snin Malta daħħlet numru ta’ skemi u inizjattivi li indirizzaw numru ta’ inugwaljanzi, filwaqt li n-numru ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol żdied sostanzjalment.