gov.mt

pr212185

PR212185

07/12/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: 98% tal-każijiet magħluqa mill-Ombudsman juru li s-Servizz Pubbliku aġixxa b’mod korrett

​​

Fi kważi 98% tal-każijiet magħluqa mressqa mill-Ombudsman, is-Servizz Pubbliku aġixxa tajjeb u l-każijiet ġew riżolti, u fejn kien hemm rakkomandazzjoni din ġiet implimentata minnufih. 

Dan ħareġ minn pubblikazzjoni ġdida mnedija llum mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar, li fiha s-Servizz Pubbliku ta r-risposta tiegħu għar-rapport annwali 2020 maħruġ mill-Uffiċċju tal-Ombudsman. Din il-pubblikazzjoni tal-lum fiha aktar minn 400 paġna u tagħti rendikont ta’ kull każ, fosthom x’azzjoni ttieħdet jekk ikun ingħalaq, u f’liema stadju jinsab il-proċess jekk il-każ ikun pendenti. 

Matul l-2020 is-Servizz Pubbliku rċieva 329 każ mill-Ombudsman, li minnhom ingħalqu 242 każ. Minn dawn il-242 każ, 211 minnhom ingħalqu mingħajr mal-Ombudsman jew il-Kummissarji fi ħdanu ħassew il-ħtieġa li joħorġu rakkomandazzjoni jew wara li l-Ministeru ta r-risposta tiegħu wara l-ewwel talba għal informazzjoni mill-Ombudsman. F’25 każ ieħor, il-każ ingħalaq wara rakkomandazzjoni li ġiet implimentata. Dan ifisser li mill-każijiet investigati, kienu biss 6 (2.5%) li r-rakkomandazzjoni ma ntlaqgħetx jew ma setgħetx tiġi implimentata. 

Mill-74 każ tal-2020 li għadhom pendenti, il-maġġoranza assoluta (68%) jinsabu għand l-Ombudsman, b’8% oħra jinsabu l-Qorti. Apparti dan, 13 il-każ li daħlu fl-2020 ġew irtirati mill-Ombudsman jew minn min għamel l-ilment.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li din hi s-sitt pubblikazzjoni li s-Servizz Pubbliku nieda din is-sena, li huma xhieda tal-kontabbiltà li daħħal is-Servizz Pubbliku fl-aħħar snin. Hu spjega kif dan kien possibbli permezz ta’ strutturi permanenti fosthom il-ħatra ta’ liaison officers f’kull ministeru u taħriġ speċjalizzat. 

Is-Sur Cutajar żied jgħid kif għal sena oħra, fil-pubblikazzjoni qed isiru diversi rakkomandazzjonijiet biex l-elementi tat-trasparenza u l-governanza jiġu msaħħa wkoll fl-uffiċċju tal-Ombudsman. Dawn kollha huma rakkomandazzjonijiet li jippromwovu good practice, fosthom fil-proċeduri ta’ kif jimpjegaw in-nies entitajiet bħall-Ombudsman u persons of trust fihom, introduzzjoni ta’ deadlines għal risposti biex il-klijent jinqeda f’qasir żmien, u standards of procedures oħra. 

Il-pubblikazzjoni ‘Governance Action on the Parliamentary Ombudsman’s Annual Report 2020’ hi disponibbli mis-sit elettroniku tas-Servizz Pubbliku:  https://publicservice.gov.mt/en/Documents/Governance_Action.pdf