gov.mt

pr212202

PR212202

09/12/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Jitnieda “Crisis Resolution Home Treatment”

Bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għas-Saħħa Mentali 2020-2030, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa llum nieda “Crisis Resolution Home Treatment", servizz ġdid tal-kura tas-saħħa mentali fid-djar tal-pażjenti.

 

Id-Deputat Prim Ministru Fearne spjega kif it-team li joffri dan is-servizz huwa bbażat f' binja separata, rinovata, biswit l-Isptar Monte Karmeli, madanakollu x-xogħol ta' dan it-tim, li huwa magħmul minn 11-il professjonist, se jsir fid-djar tal-pazjenti. Huwa spjega li t-timijiet, immexxiha minn Dr David Cassar u Dr Maria Axiak, se jkunu qed jaħdmu ma' pażjenti bi problemi ta' saħħa mentali akuta, u li din l-istess kura aċċessibbli tista' li tevita li wieħed ikun rikoverat fl-isptar Monte Karmeli. Fil-fatt hu stmat li madwar terz mill-każijiet akuti jistgħu jevitaw li jidħlu l-isptar permezz ta' dan is-servizz il-ġdid.

 

Id-Deputat Prim Ministru Fearne rrimarka, li s-servizzi ta' saħħa mentali offruti fil-komunità, wasslu biex f'Monte Karmeli bħalissa hemm inqas minn mitejn pazjent, numru ferm iżgħar minn dak li għal snin twal ospita l-istess sptar.

 

Estiż l-użu obbligatorju tal-maskra

 

Id-Deputat Prim Ministru spjega li sabiex nantiċipaw il-varjant Omicron, u li fid-dawl li l-immunità tal-vaċċin tonqos maż-żmien u li bħalissa hu mistenni li tiżdied l-attività soċjali marbuta mal-festi tal-Milied, se jiġi estiż l-użu mandatorju tal-maskri. Huwa fakkar kif sa issa kien obbligatorju li persuna mlaqqma tilbes il-maskra f'postijiet pubbliċi, fuq il-mezzi tat-trasport pubbliċi, fl-istabbilimenti, fl-iskejjel, u waqt l-avvenimenti u spjega li l-eżenzjoni tal-ilbies tal-maskra għal gruppi ta' żewġ persuni li huma mlaqqma se tiġi sospiża min-nhar is-Sibt. Għaldaqstant, l-użu tal-maskra se jkun obbligatorju għal kulħadd.

 

Id-Deputat Prim Ministru Fearne spjega kif din il-miżura tista' twassal sabiex ikollna Milied tajjeb u ħeġġeġ lill-pubbliku jsegwi l-protokolli tal-Awtoritajiet għas-Saħħa marbuta mal-attivitajiet, fl-iskejjel u fid-djar, fost oħrajn.

 

Jonqos il-perjodu rakkomandat bejn it-tieni u t-tielet doża tal-vaċċin

 

Il-Ministru għas-Saħħa spjega kif il-parir tal-Awtoritajiet għas-Saħħa ġie aġġornat, u sabiex ikunu evitati “breakthrough infections", il-perjodu ta' bejn it-tieni u tielet doża se jonqos għal 4 xhur.

 

Huwa spjega li mit-testijiet preliminari li qed isiru qed jirriżulta li l-booster tal-vaċċin qiegħed jilqa' kontra l-Omicron, u għaldaqstant ħeġġeġ lil kull min għandu 'l fuq minn 50 sena sabiex jirreġistra għall-booster fuq vaccin.gov.mt.

 

Nhar it-Tlieta jibda t-tilqim tat-tfal ta' 'l fuq minn 5 snin

 

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru Fearne ħabbar li l-ewwel konsenja ta' tilqim tal-COVID-19 tat-tfal hi stmatha li tasal nhar it-Tnejn, u li mill-għada se jibda t-tilqim ta' tfal li għandhom mard kroniku jew li huma vulnerabbli. Tul il-ġimgħat ta' wara l-ġenituri tat-tfal se jirċievu invit bid-data tal-appuntament tal-vaċċin ta' uliedhom. Huwa spjega li d-doża tal-vaċċin tat-tfal hija terz dik tal-adulti.

 

Ingħataw madwar 92, 000 vaċċin tal-influenza

 

Filwaqt li spjega li l-istaġun tal-vaċċin tal-influenza għadu ma rrankax f' pajjiżna, id-Deputat Prim Minsitru appella sabiex kull min jixtieq jirċievi din it-tilqima jagħmel dan mill-iżjed fiss. Huwa stqarr li s'issa ġew amministrati 'l fuq min 92,000 tilqima tal-influenza, u li min-nhar it-Tnejn din it-tilqima se tkun offruta wkoll f'numru ta' bereġ madwar Malta, apparti fiċ-ċentri tas-saħħa, fejn ilha tingħata għal dawn l-aħħar ġimgħat. ​​