gov.mt

pr212255

PR212255

22/12/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI Is-Servizz Pubbliku leader f’iktar oqsma

Ħamsa minn disa' unuri minn fost 70 nominazzjoni għall-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena 2021 ingħataw lil ħaddiema fis-settur pubbliku. Fi kliem is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar dan juri kemm il-ħidma li saret fl-aħħar snin biex jiġġedded is-servizz pubbliku immarka ruħu fuq l-attitudnijiet tal-impjegati pubbliċi filwaqt li kompla jippożizzjona lis-servizz pubbliku bħala leader f'iktar oqsma tas-soċjetà tagħna.

 

Nhar it-Tnejn li għadda, 20 ta' Diċembru 2021, tħabbar li l-Premju Nazzjonali prestiġjuż tal-Ħaddiem tas-Sena 2021 ingħata lil Roseanne Camilleri, Kap Eżekuttiv tal-Primary Health Care fis-servizz tas-saħħa. Il-premju tal-aqwa manager għas-sena 2021 ingħata lil Emanuel Psaila, Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, filwaqt li l-premju għall-aħjar tim għall-2021 mar għand il-Pulizija tal-Komunità fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Sport Malta intagħżlet bħala l-iktar organizzazzjoni inklussiva fil-pajjiż filwaqt li Liana Bonnici ħadet il-premju għall-aktar mexxej żagħżugħ/a ispiranti għal din is-sena.

 

Ir-rebbieħa kollha li jiffurmaw il-maġġoranza tal-unuri fil-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena 2021 iltaqgħu dalgħodu mas-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar li rringrazzjahom u ferħilhom għal din il-kisba għalihom u għas-servizz pubbliku, kif ukoll feraħ lill-ħaddiema u entitajiet governattivi oħra li wkoll kienu innominati flimkien ma' oħrajn minn setturi oħra tal-pajjiż għal dawn l-unuri prestiġjużi li jingħataw kull sena taħt il-patroċinju tal-President ta' Malta.

 

Is-Sur Cutajar qal li f'dawn l-aħħar snin is-servizz pubbliku kien diġà ppożizzjona ruħu fil-pajjiż bħala leader fil-qasam tal-miżuri b'impatt ambjentali pożittiv; permezz ta' miżuri oħra fejn jidħol il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol; fil-kwalità tas-servizz lill-klijenti tiegħu u fl-użu tat-teknoloġija fl-għoti tas-servizzi tiegħu – tant li għal numru ta' snin issa, is-servizz pubbliku qed ikun ikklassifikat l-ewwel fl-Ewropa fl-egovernment. B'dawn l-unuri ta' din il-ġimgħa, kompla l-Kap taċ-Ċivil, is-Servizz Pubbliku issa qed jippożizzjona ruħu wkoll bhala leader fil-qasam maniġerjali u fil-qasam tar-riżorsi umani.

 

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni semma li x-xogħol ta' tiġdid li sar mhux biss ħalla l-marki tajbin tiegħu fuq is-servizz innifsu, imma wkoll fuq l-impjegati pubbliċi li jwasslu dawn is-servizzi pubbliċi. Qal li dan kollu jservi ta' bażi soda ħalli s-servizz pubbliku jagħmel il-passi li jmiss u jibda mis-sena d-dieħla jimplimenta strateġija bbażata fuq is-saħħa li għandu s-servizz pubbliku: in-nies li jaħdmu fih, l-investiment fit-teknoloġija u d-disinn u l-kwalità tas-servizz innifsu. Is-Sur Cutajar temm jgħid li din l-istrateġija u kull ħidma tas-servizz pubbliku jridu jkunu msejsa fuq il-prinċipji tal-kwalità, is-sostenibilità u l-kontabilità biex naslu li jkollna servizz ta' eċċellenza li jixraq lil dal-pajjiż.

​