Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210246

PR210246

04/02/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, L-UGWALJANZA U L-GOVERNANZA, MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ARTIJIET U L-KOSTRUZZJONI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U L-KOMUNITAJIET


Tnedija ta' Konsultazzjoni Pubblika – L-Att dwar il-Condominia (Kap. 398 tal-liġijiet ta' Malta) ser jiġi rivedut

 

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Artijiet u l-Kostruzzjoni Chris Agius u s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat nedew konsultazzjoni pubblika fir-rigward tal-Att dwar il-Condominia (Kap. 398 tal-liġijiet ta' Malta).

 

L-Att dwar il-Condominia tal-1997 hija liġi importanti. Rajna kif kien hemm influss fil-iżvilupp urban fil-gżejjer Maltin u Għawdxin, partikolarment f'dawn l-aħħar 15 -il sena. Xhieda ta' dan hija d-data li ġiet miġbura riċentament. Din id-data telenka n-numru ta' bini flimkien man-numru tal-amministraturi li ġew irreġistrati sat-3 ta' Diċembru tas-sena 2020, li jammonta għal 3828. L-ewwel reġistrazzjoni tmur lura tmintax-il sena propju għall-15 ta' Frar, 2002. Fi ftit kliem, din id-data tidentifika rata ta' 213 reġistrazzjoni fis-sena.

 

L-Att XVI tal-2001, IX tal-2004 flimken mal-avviżi legali 181 tal-2006 u 425 tal-2007 emendaw b'tibdil minimu l-Att dwar il-Condominia.

 

Fl-indirizz tiegħu il-Ministru Zammit Lewis irrimarka li kif inhu preżentament dan l-Att għad għandu elementi nieqsa li għandom jiġu indirizzati mill-aktar fis possibbli, dan b'rabta mal-fatt li b'mod partikolari tul dawn l-aħħar għaxar snin il-poplu Malti u Għawdxi qed jirrisjedi aktar f'appartamenti. Hu proġettat li fil-futur din it-trend ser tkompli tiżdied. 

 

Il-Ministru kompla billi saħaq fuq il-punt li dan kollu huwa riżultat ta' tkabbir ekonomiku li joħloq niċeċ ġodda f'diversi setturi ekonomiċi. Eżempju ta' dawn is-setturi huma r-remote gaming u l-financial services, fejn ħafna barranin qed jiġu jirrisjedu Malta, anke f'appartamenti lussużi b'kirjiet għolja. Dan l-Att ilu fis-seħħ għal aktar minn għoxrin sena, għalhekk il-Gvern ra li huwa żmien opportun li dan jiġi rivedut biex iżomm ir-relevanza tiegħu u jkun żgurat li din il-leġiżlazzjoni tirrifletti aħjar it-talbiet tal-lum. Dan il-Att iħalli effet fuq diversi partijiet, liema partijiet ivarjaw minn propretarji, ċenswalisti inkwilini, periti, ammistraturi u żviluppaturi fejn inħolqot industrija tas-servizzi totalment ġdida li għandha tiġi reġolata aħjar.

 

Il-Ministru għalaq billi spjeġa kif permezz ta' din il-konsultazzjoni qed inkomplu naħdmu biex inżommu kull settur relevanti għar-realtajiet tal-lum. Dan ikompli juri kemm hu kruċjali li ċ-ċittadin ikun fil-qalba tal-ħidma ta' dan il-Gvern u li l-Gvern ikun man-nies tan-nies.

 

Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius qal li grazzi wkoll għall-ħidma ta' dan il-gvern rajna żieda sostanzjali fl-akwist ta' binjiet. Bil-miżuri li ħa l-gvern f'dan il-qasam aktar u aktar familji u żgħażagħ setgħu jakwistaw propjetajiet biex fihom jibnu l-familja tagħhom.

 

Is-Segretarju Parlamentari Agius spjega li matul is-snin kellna żieda fl-appartamenti u allura f'residenzi li jkollhom partijiet li huma komuni għar-residenti li jgħixu fil-blokka t'appartamenti. Hu spjega kif lura għas-sena 1997, twaqqfet il-liġi li tirregola l-kondominji, liema liġi mbagħad ġiet emendata fl-2007. Huwa qal li llum wara aktar minn 20 sena mit-twaqqif tal-ewwel liġi wasal iż-żmien li tali liġi tkun irfinuta sabiex tkun tista' tirrifletti aħjar il-ħtiġijiet tal-lum.

 

Is-Segretarju Parlamentari Agius saħaq li fid-dawl ta' dan, qiegħed jinħass il-bżonn li jiġi mġedded l-att tal-liġi li jirregola l-condominium.

 

Is-Segrtarju Parlamentari Agius qal li għaldaqstant ser jitnieda proċess ta' konsultazzjoni pubblika sabiex jinstemgħu l-opinjonijiet tan-nies u mbagħad titfassal l-aħjar liġi possibbli għall-benefiċċju tar-residenti Maltin u Għawdxin.

 

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat saħaq li dawn il-bidliet se jaffetwaw numru kbir ta' residenti Maltin fil-pożittiv, fl-iktar spazju personali u għażiż għalihom, darhom stess.

 

Ir-Reġistru tal-Artijiet irċieva 839 applikazzjoni sabiex ikunu reġistrati kondominji f'Malta fl-2020, filwaqt li daħlu 57 applikazzjoni oħra għal kondominji f'Għawdex. Sal-lum, in-numru ta' kondominji reġistrati huwa dak ta' 3,913. L-ewwel reġistrazzjoni ta' kondominji saret fil-15 ta' Frar 2002.

 

“Dan kollu rridu nagħrfu li jġib ċertu ammont ta' sfidi miegħu. Bħall-kumplament tal-appartamenti f'pajjiżi oħra madwar id-dinja, biex tasal għall-post tiegħek trid tgħaddi mill-komun. Jista' jkollok l-isbaħ, l-aqwa, u l-aktar appartament għal qalbek iżda jekk ma jkollokx regoli tajbin b'posthom għall-komun fejn tgħix, il-kwalità tal-ħajja tal-familja tiegħek ma tistax tkun kif tixtieq," qal is-Segretarju Parlamentari. Is-Sur Muscat kompla jtenni sabiex ma nħarsux lejn din il-bidla fil-liġi biss bħala xi ħaġa li se jirrikorru għaliha persuni li jgħixu f'appartamenti, imma wkoll bħala opportunità għall-għotja ta' servizzi professjonali.

 

“Il-liġi preżenti teħtieġ tinbidel biex tagħraf l-assoċjazzjonijiet li joħolqu sidien bejniethom, biex tkopri x'jiġri meta ma jkunx hemm amminsitratur appuntat, biex tkopri x'jiġri meta r-reġistru tal-artijiet ma jkunx mgħarraf bl-assoċjazzjoni, u biex tkopri każijiet fejn jeħtieġ li jsir infurzar," sostna s-Segretarju Parlamentari.

 

Is-Segretarju Parlamentari ħeġġeġ sabiex il-poplu jipparteċipa f'din il-konsultazzjoni pubblika, anke fid-dawl li huwa suġġett li jaffetwa tant nies u familji Maltin u Għawdxin.

 

Għal aktar informazzjoni wieħed għandu jaċċessa dawn is-siti:

https://meae.gov.mt/en/Public_Consultations/MJEG/Pages/Consultations/ReformCondominiumAct.aspx,https://meae.gov.mt/mt/Public_Consultations/MJEG/Pages/Consultations/RiformaAttdwarilCondominia.aspx

 

Is-sottomissjonijiet għandhom jintbagħtu permezz ta' email jew bil post fuq l-indirizzi t' hawn taħt. 

 

VLT 1521​