Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210260

PR210260

05/02/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI, MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ U MILL-UFFIĊĊJU TAS-SEGRETARJU PERMANENTI EWLIENI: Il-Protezzjoni Ċivili tkompli ssaħħaħ l-operat tagħha

​Sistema ġdida fil-control room tal-Protezzjoni Ċivili ser twassal sabiex id-dipartiment ikun aktar effiċjenti biex jirrispondi għat-tweġibiet li jsirulha. 

B’investiment ta’ żewġ miljun ewro, ko-finanzjat minn fondi Ewropej, is-sistema l-ġdida, li hi bbażata fuq l-intelliġenza artifiċjali, tippermetti lill-pumpiera biex ikollhom aċċess għall-informazzjoni dwar emerġenza minnufih, filwaqt li kull vettura ser tkun attrezzata b’tablet li tkun dejjem konnessa mas-sistema tal-control room. 

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega kif dan l-investiment huwa xhieda ta’ kemm il-gvern huwa kommess li jsaħħaħ ir-riżorsi tal-forzi tal-ordni. “Jien kburi li llum dan id-dipartiment qed jinvesti fl-aqwa apparat biex ikun dejjem fuq quddiem nett, u qed nagħmlu dan kollu għaliex irridu nkunu aħna li nirkbu fuq l-avvanz tat-teknoloġija,” qal il-Ministru Camilleri. 

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-proġett diġitali ġie ko-finanzjat b’fondi Ewropej u jifforma parti minn sensiela ta’ inizjattivi biex inkomplu naqilbu s-servizzi u l-operat tal-gvern lejn wieħed aktar diġitali. Huwa kompla jgħid kif dan jifforma parti mill-programm ‘CONvErGE’.

Dr Zrinzo Azzopardi kkonkluda billi qal li waħda mill-viżjonijiet tal-Unjoni Ewropea u ta' pajjiżna hija l-implimentazzjoni ta' aktar diġitalizzazzjoni, u dan se jkun qed jitwettaq fiż-żmien li ġej fil-mod kif se ninvestu il-pakkett finanzjaru l-ġdid 2021-2027 u l-fondi għall-irkupru u r-reżiljenza.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar qal illi l-ewwel darba li żar is-CPD fl-2013, u ltaqa’ man-nies li jaħdmu hawn, sab ħaddiema demoralizzati, b’investiment ta’ xejn, u meta kien isir, kien jinxtara kollox second-hand. Kien dipartiment dilapidat, nieqes mir-riżors uman u mitluq għal kollox għal riħu.

Illum, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jinsab fl-aqwa tiegħu bħala parti minn Servizz Pubbliku li jinsab fuq quddiem tas-soċjetà. Dan seħħ b’investimenti kbar teknoloġiċi u infrastrutturali li saru f’dawn l-aħħar snin u b’investiment fil-ħaddiema, permezz ta’ taħriġ speċjalizzat u akkreditat, kif ukoll permezz ta’ ftehim kollettiv. 
Is-Sur Cutajar spjega li kollox jorbot u jibni fuq investimenti bla preċedent li saru fit-teknoloġija, ’il fuq minn 150 miljun euro f’dawn l-aħħar snin. Il-control room li qed titħaddem illum hija proġett ieħor li jħaddem fil-prattika żewġ binarji ewlenin tat-tisħiħ fis-Servizz Pubbliku, l-intelliġenza artifiċjali, fejn is-software se jkun kapaċi janalizza, u b’hekk iqassam ir-riżorsi skont il-ħtieġa, u l-Once Only Principle, fejn kwalunkwe informazzjoni li se tkun qed tingħata fuq il-112 ma terġax tiġi mistoqsija fl-ebda mument.

Hu għalaq billi qal li dan l-investiment u oħrajn simili se jwasslu biex is-Servizz Pubbliku jkompli jasal b’effiċjenza għand in-nies 24 siegħa kuljum, is-sena kollha, b’mod lixx u mingħajr taħbil il-moħħ għall-klijent.


​​