Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210281

PR210281

09/02/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ NAZZJONALI U L-INFURZAR TAL-LIĠI: Membri tal-forzi tal-ordni jitlaqqmu kontra l-COVID-19


​Il-membri tal-forzi tal-ordni bdew jitlaqqmu kontra l-Covid-19. Dan hekk kif kompla b’ritmu tajjeb it-tilqim kif ikkordinat mill-awtoritajiet tas-saħħa. F’dan il-każ, il-membri tat-tim mediku tal-Forzi Armati ta’ Malta qed jamministraw il-vaċċin mill-kwartieri ġenerali f’Ħal Luqa, u fil-jiem li ġejjin se jiżdied ċentru ieħor fil-bini tal-Akkademja għall-Forzi Dixxiplinati f’Ta’ Kandja.

Huma eluf il-ħaddiema li se jieħdu t-tilqima f’din il-fażi, fuq quddiem nett pulizija, suldati, uffiċjali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, pumpiera tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, uffiċjali tal-komunità u ħaddiema li jaħdmu fis-settur tal-immigrazzjoni.

Waqt żjara fiċ-ċentru mediku tal-Forzi Armati ta’ Malta, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri osservaw is-sistema ta’ kif qed jitlaqqmu l-ħaddiema sabiex dan isir bl-aktar mod effiċjenti. 

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne rringrazzja lill-forzi tal-ordni kollha għall-ħidma tagħhom waqt il-pandemija. “Intom kollha kontu ta’ spalla għalina waqt żminijiet diffiċli,” qal id-Deputat Prim Ministru. Huwa rringrazzja wkoll lill-Armata għall-mod ta’ kif qed jagħmlu l-parti tagħhom meta f’pajjiżna jasal il-vaċċin, u issa wkoll biex jamministraw il-vaċċin għall-Forzi Armati.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega kif il-ħajja tal-ħaddiema tal-forzi tal-ordni nbidlet f’dawn l-aħħar xhur, hekk kif kellhom jadattaw għal realtà differenti. “Fil-mument tal-prova sejjaħnilhom. Jekk hux biex jinforzaw il-kwarantina, jekk hux biex jinfurzaw ir-regoli maħsuba biex inaqqsu t-tixrid tal-Covid-19 jew biex iżommu servizzi essenzjali għaddejjin anke meta kellna emerġenza tas-saħħa pubblika, dawn il-ħaddiema sibnihom hemm u se nibqgħu nsibuhom hemm. Il-fatt li qed jieħdu l-vaċċin ifisser li jkunu preparati aħjar għall-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Kuntent ħafna nara wkoll dan is-sens ta’ tim, fejn qed niġġieldu t-tixrid tal-Covid-19 flimkien,” qal il-Ministru Camilleri.