Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210291

PR210291

09/02/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Imniedi proġett ta’ remote patient monitoring għat-tfal li jbatu bid-dijabete

Tfal ta' inqas minn 16-il sena li jbatu mid-dijabete tat-tip 1 se jibdew jingħataw magna li tissorvelja l-livell taz-zokkor, 24 siegħa kuljum. Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar dan il-proġett pilota u spjega li mistennija jipparteċipaw fih mal-200 tifel u tifla madwar Malta u Għawdex.

 

Il-magna, li hija zgħira u li għandha tintlibes il-ħin kollu, se tevita li t-tfal jittaqbu mal-erba' darbiet kuljum sabiex jaraw il-livell tad-demm tagħhom qabel jieħdu l-insulina. L-informazzjoni miġbura mill-'Continuous Glucose Monitoring' (CGM) tgħaddi dak il-ħin liċ-ċentru ta' moniteraġġ f'Mater Dei u huwa aċċessibbli wkoll mit-tfal stess, mill-ġenituri tagħhom u t-tobba tal-għażla tal-ġenituri. L-apparat inebbaħ ukoll lil dawk li għandhom aċċess għal din l-informazzjoni meta l-livell taz-zokkor jitla' jew jinżel iktar mill-parametri stabbiliti mill-ġenituri u t-tobba, sabiex ikunu jistgħu jittieħdu l-miżuri neċessarji.

 

Id-Deputat Prim Ministru tkellem dwar kif l-informazzjoni miġbura se tkun imħarsa skont il-liġijiet tal-protezzjoni tad-data u sabiex jassigura dan, il-Ministeru għas-Saħħa qiegħed jinvolvi wkoll l-Uffiċju tal-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data.

 

Il-Konsulent Pedjatriku John Torpiano spjega li l-magna se tkun qed tiġbor l-informazzjoni dwar il-livell taz-zokkor kull ħames minuti u li permezz ta' din l-informazzjoni t-tobba se jkunu jistgħu jeżaminaw kif jevolvu l-livelli taż-żokkor tat-tfal fuq medda ta' tliet xhur.

 

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru ta l-aħħar aġġornamenti dwar il-vaċċin tal-COVID-19, fejn spjega kif minn nhar il-Ħamis se jibdew jitlaqqmu l-persuni vulnerabbli f'Mater Dei, filwaqt li ladarba jsiru l-aħħar verifikazzjonijiet fuq l-ewwel konsenja tal-Astrazeneca, din se tibda tingħata lill-frontliners, mhux mediċi, li għandhom inqas minn 55 sena. Huwa spjega li l-ewwel u t-tieni doża tal-Astrazeneca se jkunu qed jingħataw bejn 8 u 10 ġimgħat 'il bogħod minn xulxin.

 

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne sostna li għadu ma nstabx varjant tal-Afrika t'Isfel f'pajjiżna. Madankollu spjega li jekk dan il-varjant isir prevalenti fl-Ewropa, u jkun hemm il-bżonn tat-tielet doża kontrih, pajjiżna diġà għamel talba lill-Kummissjoni Ewropea biex din il-konsenja tinxtara b'mod konġunt. ​​