Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210327

PR210327

16/02/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA: Ftehim ta’ €2.5 miljun bejn il-Ministeru għas-Saħħa u Hospice Malta

​​​Il-Ministeru għas-Saħħa u Hospice Malta daħlu fi ftehim li permezz tiegħu l-Ministeru għas-Saħħa se jkun qed iħallas is-salarju ta’ numru ta’ professjonisti li jaħdmu mal-Hospice. Dan il-ftehim huwa ta’ €2.5 miljun fuq medda ta’ tliet snin u se jgħin ukoll biex il-Hospice tkun tista’ tkompli tinvesti f’xiri ta’ makkinarju speċjalizzat.

Waqt l-iffirmar ta’ dan il-ftehim, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-gvern għaraf is-servizzi bżonnjużi li tagħti l-Hospice fil-komunità. “Il-gvern għandu jaħdem id f’id mas-soċjetà ċivili biex jikkumplimentaw lil xulxin fis-servizzi offruti lill-pazjenti tagħna. Nemmnu fid-dedikazzjoni tal-Hospice u fil-professjonalità tas-servizzi li joffru”, qal id-Deputat Prim Ministru.

Qal ukoll li mal-Hospice u mal-Knisja għaddejjin taħditiet fuq Ċentru San Mikiel li se joffri kura paljativa għall-pazjenti morda bil-kanċer.

Iċ-Chairperson ta’ Hospice Malta Bernardette Bonnici Kind irringrazzjat lill-Ministeru għas-Saħħa għall-għajnuna li ta matul is-snin lill-Hospice.

Ġenituri ta’ tfal vulnerabbli se jingħataw il-vaċċin

Intant, id-Deputat Prim Ministru qal li hekk kif it-tfal ma jistgħux jingħataw il-vaċċin, tfal vulnerabbli se jiġu megħjuna billi jingħataw il-vaċċin kontra l-Covid-19 il-ġenituri tagħhom. Ħabbar li se jibdew jitlaqqmu l-persuni li se jkunu qed jakkumpanjaw pazjenti għal kura barra mill-pajjiż. 

Sal-aħħar ta’ Frar, il-bidu ta’ Marzu, se jibdew jirċievu l-appuntament ukoll ħaddiema li jaħdmu f’oqsma essenzjali fosthom fis-settur tal-ilma u l-enerġija, il-posta, l-iskejjel u t-trasport.