Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210351

PR210351

19/02/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR



Fl-2020, l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) indirizzat madwar 12,000 talba għall-għajnuna mill-konsumaturi Maltin u Għawdxin

Matul l-2020, l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) indirizzat madwar 12,000 talba għall-għajnuna mill-konsumaturi Maltin u Għawdxin. Apparti minn hekk, din l-istess awtorità rreġistrat aktar minn 1,000 lift ġdid u wettqet madwar 780 spezzjoni relatati mas-sigurtà tal-prodotti. 

Dan kollu ġie żvelat waqt żjara uffiċjali li saret fl-MCCAA mill-Ministru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista u ċ-Chairperson tal-MCCAA, l-Inġinier Helga Pizzuto. 

F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru Clayton Bartolo saħaq dwar kif dawn ir-riżultati huma prova ċara tas-suċċess ta’ din l-awtorità għall-mod kif ħadet ħsieb li tilqa’ l-ilmenti tal-konsumaturi f’perjodu ta’ pandemija. 

“Ix-xogħol li twettaq l-MCCAA huwa għal qalbi ħafna minħabba l-impatt dirett li għandu fuq kull wieħed u waħda minna fil-ħajja ta’ kuljum. Dan il-gvern huwa kommess u mpenjat sabiex jara li r-riżorsi neċessarji għal din l-awtorità jkunu disponibbli għaliha biex inkompli ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi”, kompla jgħid il-Ministru Clayton Bartolo. 

Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal li l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur kienet katalista biex tixpruna s-sigurtà tal-prodotti fis-suq u li l-prodotti u s-servizzi li jingħataw lill-konsumatur ikunu ta’ standard għoli. 

Huwa spjega kif it-trasformazzjoni tal-istess awtorità hija msejsa fuq ir-riċerka u l-evidenza xjentifika, il-governanza tajba, l-fiduċja, l-infurzar tal-liġi effettiv, is-sostennibbiltà u l-innovazzjoni sabiex l-konsumatur u l-bniedem ikun fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha.

Min-naħa tagħha, iċ-chairperson tal-awtorità Helga Pizzuto tkellmet dwar kif huma qegħdin jgħarfu li kull ma jmur it-talbiet tal-konsumatur dejjem qed jinbidlu, u għalhekk is-servizzi tal-awtorità qed jiġu kontinwament mġedda sabiex jilħqu l-bżonnijiet u l-aspettiviti tal-imsieħba kollha. B’hekk ikollna ekonomija bi swieq li jaħdmu tajjeb bil-konsumatur fiċ-ċentru tal-ħidma li ssir.​