gov.mt

pr210375

PR210375

22/02/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU, MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI: Għotja ta’ kotba mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb biex jitqassmu lill-frontliners kollha

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana, f’isem il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, ippreżentat għotja ta’ kotba lid-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li se jitqassmu lill-frontliners kollha fis-settur tas-saħħa ta’ Malta u ta’ Għawdex.

L-okkażjoni mmarkat ukoll il-Jum Internazzjonali tal-Lingwa Materna ċċelebrata lbieraħ, b’għotja ta’ aktar minn €80,000 f’kotba miktuba bl-ilsien Malti, bħala parti minn għotja akbar tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ta’ 13,000 ktieb ta’ titli rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb ippubblikati f’Malta fl-aħħar ħames snin.

Il-Ministru Caruana qalet li dan il-ġest huwa ta’ apprezzament għax-xogħol siewi ta’ carers, infermiera, tobba u l-impjegati kollha tal-isptar, il-frontliners li qed jiżguraw is-sigurtà u l-kwalità tal-kura tal-pazjenti tagħhom. Matul is-sena li għaddiet ħafna kellhom jagħmlu sagrifiċċju enormi biex iwasslu s-servizzi tal-kura tas-saħħa nazzjonali waqt il-pandemija, u fakkruna wkoll li aħna lkoll niddependu mid-dedikazzjoni tagħhom f’waqtiet matul ħajjitna.

Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne irringrazzja lill-Ministru Justyne Caruana u lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ta’ di​n l-inizjattiva, li żgur se tiġi apprezzata mill-frontliners.

Il-kotba li qed jingħataw jinkludu rumanzi mill-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, kollezzjonijiet ta’ stejjer qosra u poeżija, traduzzjonijiet letterarji u xogħlijiet oħra bil-lingwa Maltija ppubblikati minn pubblikaturi lokali fl-aħħar ħames snin. Il-Kunsill jittama li b’dawn il-kotba jkompli jxerred l-imħabba mistħoqqa għall-qari.