Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210437

PR210437

26/02/2021

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR “Estiża l-għajnuna finanzjarja lill-barijiet u l-każini sal-aħħar ta’ Marzu.”


Fid-dawl tal-fatt li l-istabbilimenti kummerċjali bħal barijiet u l-każini ser jibqgħu magħluqin sal-aħħar ta' Marzu minħabba restrizzjonijiet marbuta mal-COVID-19, il-Gvern ser ikun qiegħed iżidilhom l-għajnuna finanzjarja li ser tkopri l-perjodu ta' bejn it-28 t'Ottubru 2020 u l-31 ta' Marzu 2021. 

Dan tħabbar mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo fil-laqgħa ġenerali annwali tal-Għaqda Każini tal-Baned. 

Fejn qabel dawk li jaqgħu taħt Kategorija A, jiġifieri il-bars kummerċjali kienu ser jirċievu €2,870, issa dawn l-istess sidien ser ikunu qiegħdin jirċievu għajnuna addizzjonali ta' €717. B'kollox il-barijiet kummerċjali ser jirċievu pagament ta' €3,587 li jkopri l-perjodu ta' bejn it-28 t'Ottubru, 2020 u l-31 ta' Marzu, 2021. 

Dawk li jaqgħu taħt Kategorija B, jiġifieri għal kull bar li jifforma parti minn każin kienu ser jirċievu €1,860, issa dawn l-istess sidien ser ikunu qegħdin jirċievu għajnuna addizzjonali ta' €465. B'kollox kull bar li jifforma parti minn każin ser ikun qed jirċievi pagament ta' €2,325 li jkopri l-perjodu ta' bejn it-28 t'Ottubru, 2020 u l-31 ta' Marzu, 2021. 

Finalment, dawk li jaqgħu taħt Kategorija Ċ, jiġifieri għal kull għaqda mhux politika li kienu ser jirċievu €1,260, issa dawn l-istess sidien ser ikunu qegħdin jirċievu għajnuna addizzjonali ta' €315. B'kollox kull għaqda mhux politika, ser tkun qed tirċievi pagament ta' €1,575 li jkopri l-perjodu ta' bejn it-28 t'Ottubru u l-31 ta' Marzu, 2021.

Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka li l-partijiet konċernati jistgħu japplikaw għal din l-iskema mill-1 sal-15 ta' Marzu 2021 billi jċemplu lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fuq in-numru 22915000 jew jibagħtu email fuq bscheme@visitmalta.com

Dawk il-persuni li m'għandhomx aċċess b'mod elettroniku, jistgħu jċemplu lin-numru msemmi u jagħmlu appuntament ma' impjegat tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.​