Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210017

PR210017

06/01/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA: Il-vaċċin tal-Moderna approvat mill-EMA



Hekk kif illum ġie approvat mill-Awtorità Ewropea tal-Mediċini l-vaċċin tal-Moderna, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ta rendikont ta’ kif se jkun imqassam ir-roll-out tal-vaċċin tal-Covid-19.

Id-Deputat Prim Ministru spjega li Malta għandha ordnati 670,000 vaċċin tal-Pfizer Biontech u 100,000 vaċċin tal-Moderna, għal total ta’ 770,000 vaċċin minn dawn iż-żewġ kumpaniji li huma l-uniċi tnejn approvati mill-EMA s’issa.

“Il-pjan tagħna hu li nagħtu l-vaċċin kollu li nkunu qed nirċievu. Dan wara li għal kull persuna li tirċievi l-ewwel doża nkunu warrabna t-tieni doża biex tintuża tliet ġimgħat wara. Sal-aħħar ta’ Jannar se jkunu waslu Malta mill-Pfizer 32,000 doża. Dan ifisser li sal-aħħar ta’ Jannar 16,000 persuna se tkun ingħatat l-ewwel doża tal-vaċċin u 5,000 persuna tkun ingħatat ukoll it-tieni doża biex b’hekk, sal-aħħar ta’ Jannar, se jkunu ngħataw 21,000 doża”, qal id-Deputat Prim Ministru.

Sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa se jkunu ngħataw 4,000 doża, 8,000 doża sal-ġimgħa ta’ wara u nilħqu l-21,000 doża sal-aħħar ta’ Jannar.

Id-Deputat Prim Ministru ta wkoll rendikont ta’ x’se jkun qed jiġri bil-vaċċin matul is-sena jekk wieħed jieħu inkonsiderazzjoni li jkollna l-vaċċini tal-Pfizer u tal-Moderna biss, fejn sal-aħħar ta’ Marzu jkunu ngħataw 95,000 doża, sal-aħħar ta’ Ġunju se jkunu ngħataw 290,000, sal-aħħar ta’ Settembru se jkunu ngħataw 500,000 doża, filwaqt li sal-aħħar tas-sena se jkunu ngħataw 770,000 doża. 

Sal-aħħar ta’ Mejju se jkunu tlaqqmu l-frontliners kollha, dawk kollha li jgħixu f’istituzzjonijiet, inklużi d-djar tal-anzjani, u dawk kollha li huma vulnerabbli. 

Id-Deputat Prim Ministru tkellem ukoll dwar iż-żieda fil-każijiet ta’ Covid-19 irrappurtati fl-aħħar jiem. “Qed ninvestigaw x’wassal għal din iż-żieda li tista’ tkun ikkawżata minn tliet fatturi prinċipali; li fi żmien il-festi n-nies tħalltu aktar bejniethom u ma żammewx biss ma’ dawk li jgħixu magħhom, li l-Covid-19 hi marda staġjonali u li għaldaqstant tinfirex aktar meta t-temperatura tiksaħ jew il-varjant tal-Ingilterra”, qal id-Deputat Prim Ministru.

Il-konfernza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll minn Karl Farrugia, CEO tas-CPSU li kienu strumentali biex Malta jkollha l-vaċċin bħall-kumplament tal-Ewropa, u mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.