Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr210028

PR210028

07/01/2021

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA


Jibdew jitqassmu l-ittri ta’ stedina għall-vaċċin tal-COVID-19 lill-anzjani ta’ ’l fuq minn 85 sena

Min-nhar Tnejn li ġej u fil-jiem ta’ wara, l-anzjani li għandhom ’il fuq minn 85 sena u li jgħixu fi djarhom se jibdew jirċievu l-ittra ta’ appuntament biex jieħdu l-vaċċin tal-COVID-19, bid-dati, ħinijiet u l-post għall-ewwel u t-tieni doża tal-vaċċin. 

L-ittra se tintbagħat fuq l-indirizz li l-anzjani għandhom imniżżel fuq il-karta tal-identità tagħhom u għalhekk il-post magħżul għat-tilqima se jkun fl-inħawi ta’ dan l-indirizz. 

Anzjani li ma jistgħux joħorġu minn djarhom u li huma rreġistrati mal-Commcare mhumiex se jirċievu l-ittra ta’ stedina ma’ dan il-grupp, għaliex se jkunu qed isiru l-arranġamenti neċessarji biex ikunu l-Awtoritajiet tas-Saħħa li jmorru fid-djar ta’ dawn l-anzjani fil-ġimgħat li ġejjin. Madanakollu jekk dawn l-anzjani għandhom il-mezzi biex imorru fiċ-ċentri tas-saħħa għat-tilqima, huma mitluba jċemplu 145 sabiex tinħarġilhom stedina mill-iktar fis. 

Anzjani li għandhom ’il fuq minn 85 sena u li ma jirċevux l-ittra sal-aħħar tal-ġimgħa d-dieħla huma mitluba jċemplu 145 sabiex isiru l-arranġamenti neċessarji. 

Il-Ministeru għas-Saħħa huwa konxju li hemm il-possibilità li għadhom imniżżla fil-listi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa persuni li m’għadhomx magħna u għalhekk huwa possibbli li dawn il-persuni xorta waħda jirċievu stedina fl-aħħar indirizz li kienu rreġistrati fih. Filwaqt li jiskuża ruħu ta’ dan, il-Ministeru jappella sabiex il-qraba ta’ dawn il-persuni jċemplu 145 u javżaw lill-awtoritajiet b’din l-informazzjoni.